In-negozjant akkużat bil-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak jiġi lliberat

In-negożjant Slovakk Marian Kocner ġie lliberat mill-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak. Dan hekk kif il-Qorti aktar kmieni llum qalet li ma kienx hemm biżżejjed xhieda kontrih.

Kocner kien suspettat li kien ordna l-qtil ta’ Kuciak, ġurnalist investigattiv, li kien instab mejjet fid-dar tiegħu nhar il-21 ta’ Frar tal-2018, flimkien mal-għarusa tiegħu Martina Kusnirova. It-tnejn li huma kellhom 27 sena.

Kuciak kien qed jinvestiga attivitajiet illegali li kienu twettqu minn Kocner, u l-konnessjoni li dan kellu mal-partit Smer SD.

Intant il-Qorti sabet ukoll lil Akeba Z. mhux ħati tal-involviment tiegħu fl-ippjanar tal-qtil, ukoll minħabba nuqqas ta’ xhieda. Madankollu raġel li kien akkużat b’kompliċità mal-qattiel u li kien fuq ix-xena tad-delitt instab ħati u ntbagħat 25 sena l-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni tista’ tappella mill-verdett mogħti llum.

Il-qattiel kien ammetta f’Jannar li għadda għall-akkużi miġjubin kontrih u f’April li għadda kien ingħata 23 sena priġunerija. Raġel ieħor, is-sena li għaddiet intbagħat 15-il sena ħabs għall-involviment tiegħu fid-delitt.

Il-qtil ta’ Kuciak u l-għarusa tiegħu wasslu għal protesti kbar kontra l-korruzzjoni fis-Slovakkja u anke wasslu biex il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Robert Fico, jitfa’ r-riżenja tiegħu.

Share With: