Ir-Rapport tal-MPE Alex Agius Saliba approvat b’maġġoranza b’saħħitha

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw b’maġġoranza kbira fuq ir-Rapport ta’ Alex Agius Saliba dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Il-membri tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur stabbilixxew it-talbiet tagħhom dwar kif is-servizzi diġitali, inklużi l-pjattaformi u s-swieq online, għandhom jiġu rregolati f’votazzjoni nhar it-Tnejn.

Għall-ħidma tiegħu bħala rapporteur dwar dan ir-Rapport, il-MPE Malti ntgħażel xi ftit drabi mill-midja internazzjonali, bħall-Politico u l-Magazine tal-Parlament Ewropew bħala wieħed mill-atturi ewlenin ta’ Brussell dwar kwistjonijiet diġitali.

F’konferenza stampa fil-Parlament Ewropew eżatt wara l-votazzjoni, il-MPE Alex Agius Saliba kkummenta hekk: “Wara xhur ta’ negozjati, aktar minn 1000 emenda, u 56 paġna ta’ test ta’ kompromess, ninsab kuntent li llum inħabbar li adottajna b’maġġoranza kbira rapport b’saħħtu u progressiv ħafna dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.”

“Qed ngħixu f’dinja diġitali fejn is-servizzi diġitali saru l-utilitajiet ġodda ta’ żmienna u l-importanza tagħhom għall-ħajja soċjali u ekonomika tagħna ser tkompli tikber. Ir-Rapport qed ilaħħaq ma’ dawk ir-realtajiet ġodda, u qed jinforza approċċ uniku, olistiku u komuni mibni fuq il-fiduċja, l-għażla, u livell għoli ta’ konsumaturi, ċittadini u protezzjoni tal-SMEs,” kompla l-MPE.

Ir-Rapport jipproponi miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali fl-ambjent onlajn fil-pakkett tagħha dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena. Ir-Rapport jgħid li l-prinċipju ta’ “dak li huwa illegali offlajn huwa illegali wkoll fuq l-internet”, kif ukoll il-prinċipji tal-ħarsien tal-konsumatur u tas-sikurezza tal-utent, għanhom isiru “prinċipji li jiggwidaw” il-futur tas-servizzi diġitali.

Il-MPE Alex Agius Saliba qal f’kumment ftit wara l-vot: “Għall-ewwel darba, qed nintroduċu kunċetti ġodda fil-livell tal-UE, bħall-għarfien tal-klijent tan-negozju tiegħek, regoli ex-ante għas-setturi diġitali, responsabbiltajiet speċjali għall-postijiet tas-suq online biex jiggarantixxu s-sikurezza tal-konsumaturi tagħna, regoli aktar stretti dwar reklamar immirat u mekkaniżmi ta’ intelliġenza artifiċjali u ambitu li se jinkludi kumpaniji stabbiliti anke barra mill-UE.”

Il-miżuri adottati fir-Rapport, għandhom fil-qalba tagħhom, l-għan ewlieni li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni tal-kumpaniji Ewropej tagħna u li jiġi provdut ambjent diġitali aħjar u aktar sikur liċ-ċittadini u lill-konsumaturi tagħna meta jużaw pjattaformi tal-midja soċjali bħal Facebook jew meta jużaw postijiet tas-suq onlajn bħal Amazon u eBay.

Share With: