“Irridu rkupru veloċi fis-setturi ekonomiċi kollha”

L-Air Malta, id-diġitalizzazzjoni fil-Qrati, u l-irwol ta’ pajjiżna fi ħdan il-Ġnus Magħquda fost il-pilastri tal-Baġit 2021

Minn – Matthew Charles Zammit

Fid-dokument ta’ qabel il-Baġit li tnieda iktar kmieni din il-Ġimgħa, il-Gvern elenka numru ta’ prijoritajiet finanzjarji li mistennija jiġu indirizzati b’xi mod fit-taħditiet li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin, kif ukoll fil-proposti finali li se jressaq il-Gvern fl-aħħar ta’ Ottubru.

Il-Gvern saħaq li l-Baġit 2021 “ma jistax jitqies bħala baġit normali. Qiegħed jiġi ppreparat fi żmien meta għadna qegħdin nirkupraw mix-xokk ekonomiku li l-pandemija tal-Covid-19 ħalla fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi kollha.”

Huwa saħaq li l-pjan ekonomiku li jifforma l-bażi ta’ dan il-baġit, u l-inċentivi kollha mnissla minnu, għandhom l-għan li jwasslu għall-irkupru veloċi fis-setturi ekonomiċi kollha, u dan biex nerġgħu lura għal tkabbir ekonomiku robust.

“L-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi matul dawn l-aħħar seba’ snin, fejn għal diversi snin infila rreġistrajna surplus annwali, wasslet biex pajjiżna jkun ippożizzjonat tajjeb biex jilqa’ għa din il-kriżi. Dan il-Gvern kien f’pożizzjoni finanzjarja li jagħti l-assistenza finanzjarja neċessarja lill-intrapriżi biex jinżammu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u jsolvu l-problemi ta’ likwidità li kienu qegħdin jiffaċċjaw. Dan kollu se jassigura li l-popolazzjoni Maltija u Għawdxija se tkompli tgawdi standard għoli fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

Id-dokument saħaq kif is-settur tas-servizzi finanzjarji “kien katalista fl-irkupru ekonomiku matul il-kriżi, u se jibqa’ jilgħab rwol importanti anke wara l-kriżi.”

Fl-istess ħin, huwa fakkar fuq l-importanza ta’ komunikazzjonii mal-intrapriżi lokali, u tenna kif il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura industrijali, “bil-għan li nilqgħu intrapriżi ġodda, noħolqu talent ġdid, u kif ukoll inwasslu għat-tnedija ta’ karrieri ġodda.”

Ser jitnieda wkoll programm ta’ outreach għaż-żgħażagħ, biex l-istudenti lokali jkunu infurmati fuq il-bżonn li tiġi protetta l-proprjetà intelletwali tagħhom.

Il-Gvern ħabbar ukoll li se jkun hemm bidla fl-akkwisti pubbliċi li jsiru mill-Gvern. “Id-Dipartiment tal-Kuntratti se jibqa’ jirregola l-proċeduri u l-istandards, filwaqt li l-Ministeri u l-Entitajiet ser ikunu huma li japplikaw r-regolamenti u jwettqu dawn l-akkwisti.”

“Għal dan il-għan, il-Ministri se jkollhom bżonn joħolqu kumitat intern tal-kuntratti ministerjali, bil-għan li jieħu x-xogħol li bħalissa qiegħed isir mill-Kumitat tal-Kuntratti Dipartimentali.”

Fuq il-linja tal-ajru nazzjonali, il-Gvern fakkar kif il-pandemija emfasizzat “l-importanza li pajjiż żgħir bħal tagħna li jkollu l-linja nazzjonali tiegħu.” Mingħajr ma saret ebda referenza għad-diżgwid industrijali li preżentament hemm bejn il-kumpanija u l-piloti tagħha rigward it-tkeċċija ta’ numru sostanzjali tagħhom, id-dokument wiegħed “li hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet b’saħħithom, biex tiġi assigurata s-sostenibbilità għat-tul.”

“Il-Gvern qiegħed jimmira li jsaħħaħ il-kumpanija b’tali mod li din tista tkun tikkompeti f’din l-era ta’ avjazzjoni ġdida. Biex isir dan, il-kumpanija se tinvesti f’teknoloġiji ġodda, biex b’hekk ir-relazzjoni bejn il-kumpanija u l-konsumaturi tkompli tissaħħaħ.”

Is-settur tat-turiżmu, li qala’ daqqa sproporzjonata minħabba l-Covid-19, se jiġi indirizzat ukoll, bil-Gvern jippromwovi l-għan li “jiġġieled l-akkomodazzjoni turistika mhix liċenzjata, biex jassigura bilanċ ugwali bejn l-operaturi kollha, u tiġi assigurata s-sigurta l-kwalità tas-servizz ipprovdut lit-turist.”

Fl-istess ħin, il-Gvern wiegħed ukoll trasformazzjoni fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd: “Ser izzid emfasi fuq is-sostenibbiilita għat-tul, u ser nipprovdu l-mezzi biex dawn jiżviluppaw u jiffjorixxu.”

Fuq Għawdex, il-Gvern saħaq fuq l-importanza li din il-gżira għandha mill-lenti ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Fosthom, il-fatt li l-popolazzjoni tal-gżira qegħda dejjem tixjieħ. “Għalhekk, hemm bżonn li jitniedu numru ta’ policies ġodda, kif ukoll servizzi għall-anzjani speċjalment dawk Għawdex, bil-għan li dawn jibqgħu jgħixu b’mod attiv fi ħdan il-kommunita.”

Pajjiżna mistenni jagħti s-salt lill-kampanja li kienet imħabbra fl-2019, biex Malta jkollha siġġu mhix permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurta tal-Ġnus Magħquda għal bejn l-2023 u l-2024. Skont il-Gvern, dan se jsir bil-għan “li pajjiżna jkun jista’ jaġixxi bħala parti newtrali, u tuża ż-żmien tagħha biex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, tramite d-djalogu u d-diplomazija.”

Fuq il-Qrati, il-Gvern saħaq li matul is-sena li ġejja, ser jitnieda proċess biex il-proċeduri kollha kriminali, kemm dawk fis-sede inferjuri kif ukoll dawk superjuri, jiġu diġitalizzati: din sejra tkun parti minn strateġija ta’ diġitalizazzjoni li sejra tinvolvi l-aspetti kollha relatati mal-ġustizzja. “Dan bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-atti tal-proċess ġudizzjarju, u tissaħħal l-ġustizzja u l-aċċess tagħha f’pajjiżna.”

“Il-Kummissarju tad-Dħul se jiżdidulu is-setgħat ta’ investigazzjoni, tant li issa se jingħata l-għodda neċessarja biex ikun jista’ jxerred l-informazzjoni kollha relevanti mal-istituzzjonijiet l-oħra kollha li huma involuti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, kif ukoll reati kriminali oħra.”

Share With: