It-tielet xahar konsekuttiv bi tnaqqis fil-qgħad

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw li l-irkupru ekonomiku kompla għaddej f’Awwissu.

Mentri f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien tela’ għal 4,409, sal-aħħar ta’ Awwissu n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol kien naqas għal 3,672. F’Ġunju, wara t-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-qgħad kien diġà niżel b’139 persuna. F’Lulju, bit-tneħħija ta’ ħafna restrizzjonijiet fuq is-settur turistiku, il-qgħad niżel b’289. F’Awwissu, kien hemm tnaqqis ta’ 309. 

Dan ifisser li, fi tliet xhur, l-ammont ta’ nies qiegħda naqas b’737 persuna. Dan ifisser li wieħed minn kull sitt persuni qiegħda f’Mejju issa ma għadhomx jirreġistraw.

Is-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed tinħass saħansitra b’aktar qawwa fil-gżira Għawdxija. Imqabbel ma’ Mejju, f’Awwissu n-numru ta’ dawk jirreġistraw issa huwa 28% anqas, li jfisser li wieħed minn kull erbgħa persuni li kienu jirreġistraw f’Mejju issa sab impjieg.

L-indikazzjonijiet huma li anke f’Settembru l-qgħad kompla jonqos f’pajjiżna. Dan b’kuntrast għas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali li donnu qiegħda terġa’ tmur għall-agħar.

Bħalissa laħqet il-qofol tagħha l-ħidma tal-gvern biex jipprepara sensiela ta’ miżuri biex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-baġit li se jitħabbar f’Ottubru mistenni jwassal għal stimulu ieħor bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, u b’hekk iwassal għal prosperità ġdida għall-familji u n-negozji tagħna. 

Share With: