It-trasferiment ta’ Luis Suarez ma’ Juventus qed jiġi miżmum sakemm …

It-trasferiment imsemmi ta’ Luis Suarez minn ma’ Barcelona għal ma’ Juventus qed jiġi miżmum sakemm il-player Urugwajan jinħariġlu passaport Taljan.

Barcelona diġá għarrfu lill-player li hu mhux fil-pjani tagħhom u ħeġġewh biex jiddeċiedi llum qabel għada fejn għandu jmur sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw attakkant ieħor. Minkejja li Suarez jibqa’ wieħed mill-iktar skorers prolifiċi li hawn fl-Ewropa, is-sitwazzjoni tiegħu għadha waħda ferm ikkumplikata.

Huwa rrappurtat li l-player ta’ 33 sena ftiehem b’mod verbali dwar it-trasferiment tiegħu maċ-champions Taljani u se jaċċetta kuntratt ta’ tliet snin li jkun jiswa madwar €9 miljun.

Minkejja kollox, jekk ma jinħariġlux id-dokument tant meħtieġ, mhux se jkun faċli għal La Vecchia Signora li jiksbu s-servizzi tiegħu.

Sadanittant tkellem l-ex difensur ta’ Liverpool, Stephen Warnock, li qal li Tottenham Hotspur messhom jikkunsidraw l-akkwist ta’ Suarez sabiex ma jħallux il-piż tal-attakk kollu fuq Harry Kane.

Warnock qal li Suarez għadu attakkant validu minkejja li għandu 33 sena. Huwa saħansitra ssuġġerixxa lill-coach ta’ Tottenham Hotspur, Jose Mourinho, sabiex jinkludi żewġ attakkanti sabiex isaħħaħ dan id-dipartiment tant importanti.

Finalment Suarez għadu qed jistenna l-eżitu tal-laqgħat bejn id-diriġenti Katalani u dawk Taljani sabiex sa fl-aħħar ikun jista’ jilħaq l-objettivi tiegħu.

Suarez għandu esperjenza vasta fil-qasam internazzjonali meta lagħab 113-il partita mat-team nazzjonali Urugwajan u skorja 59 goal. Fil-passat huwa libes il-flokkijiet ta’ Nacional, Groningen, Ajax Amsterdam u Liverpool FC.

Hu ngħaqad ma’ Barcelona fis-sena 2014 għas-somma ta’ €65 miljun. Hu lagħab 191 partita mal-Blaugrana u skorja 147 goal.

Share With: