Jinfetħu slip roads u korsiji ġodda fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit tal-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass għall-ftuħ ta’ slip roads u korsiji ġodda li jingħaqdu ma’ din l-arterja prinċipali. Dawn it-toroq jiffurmaw parti minn proġett ta’ €2.25 miljun li jibni fuq investiment ieħor ta’ €5 miljun li sar fuq din il-konnessjoni fl-2018. Il-Marsa-Ħamrun Bypass huwa parti min-network TEN-T, u dan il-proġett se jkompli jtejjeb l-effiċjenza ta’ din l-arterja, kif ukoll konnessjonijiet bejn Birkirkara, Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Marsa.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Hawnhekk għandna eżempju ieħor ta’ proġetti li jaħdmu bħal katina u jibnu fuq xulxin. It-toroq tagħna huma dinamiċi u għalhekk ma nistgħu qatt ngħidu li arterja hija lesta. Dejjem hemm fejn intejbu u hekk għamilna hawnhekk. Grazzi għal dan l-investiment, qed intejbu l-effiċjenza, il-kwalità tal-arja u anke s-sigurtà ta’ din il-konnessjoni prinċipali. Tajjeb ngħidu li anke mill-bidu tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett konna qed nippjanaw biex inkomplu nintervjenu. Fil-fatt, waħda mill-korsiji l-ġodda tingħaqad ma’ waħda li nbniet fl-2018 biex setgħet tibda tintuża proprju f’din il-fażi. Bħall-proġett tas-Central Link, dawn il-konnessjonijiet qed imexxu t-traffiku minn ġewwa ċ-ċentri residenzjali tal-lokalitajiet għall-arterji prinċipali. Dan hu l-għan aħħari tagħna – li nagħtu kwalità tal-ħajja tajba lir-residenti kollha ta’ pajjiżna.”

Il-konnessjonijiet ġodda jinkludu slip road minn Triq il-Kanun għall-karreġġjata lejn in-nofsinhar tal-bypass u korsiji fl-off-slip mill-istess karreġġjata lejn Triq Ħal Qormi fid-direzzjoni lejn il-Ħamrun jew Ħal Qormi. Biex dawn iż-żewġ konnessjonijiet jingħaqdu se tkun qed tinfetaħ ukoll ir-raba’ korsija lejn in-Nofsinhar matul din il-bypass. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-ħitan tal-pont (flyover wing walls) u partijiet mill-ħajt tar-rampa tal-ħruġ mill-mini ta’ Santa Venera. Din ir-rampa u tnejn mill-ħitan tal-pont huma mibnijin u issa nfetħu wkoll il-korsiji li ngħalqu minħabba dawn ix-xogħlijiet. Fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tkun qed tibni l-bqija tal-ħitan tal-pont u se timmodifika u tagħti wiċċ ġdid lir-roundabout ta’ taħtu.

Din l-arterja prinċipali mistennija tingħata dehra kompletament ġdida grazzi anke għal proġett ieħor fejn Infrastructure Malta qed tittrasforma l-ħajt ta’ 350 metru li nbena bħala parti mill-proġett tal-2018 fl-itwal ġnien vertikali f’Malta, b’eluf ta’ pjanti indiġeni li se jiġu misqija minn sistema awtomata.

Share With: