Jinżamm arrestat fuq pussess u traffikar ta’ droga

Douglas Briffa ta’ 29 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li l-Ħadd li għadda kien fil-pussess ta’ droga kokaina u eroina li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien mixli wkoll li wettaq dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru mal-parametru ta’ skola, klabb jew xi post simili li jkun frekwentat miż-żgħażagħ u li sar reċediv.

Kien wara jiem ta’ osservazzjoni li Briffa ġie arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Flimkien miegħu kien hemm tfajla ta’ 28 sena. X’ħin dawn it-tnejn ġew avviċinati mill-Pulizija, saret tfittxija fuqhom u fil-vettura fejn instabu diversi pakketti b’sustanza suspettata kokaina, eroina u crack.

Briffa tressaq dalgħodu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi li nġiebu kontrih, iżda baqa’ miżmum taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Anthony Scerri u Marshal Mallia.

L-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Share With: