Jirriżenja s-Segretarju Ġenerali ta’ Roma wara l-kontroversja fil-partita kontra Verona

Ħafna qed isejħulha bħala s-“Saga Diawara”. Il-gazzetti ewlenin Taljani, partikolarment dawk sportivi qed isemmuha kontinwament speċjalment wara dak li ġara fi tmiem din il-ġimgħa meta Roma ngħataw telfa ta’ 3-0 fuq il-mejda wara żball fil-lista ta’ players li kellhom fil-logħba li ntlagħbet is-Sibt li għadda mis-Serie A Taljana kontra Hellas Verona.   

Sadanittant fl-isfond ta’ dan it-taħwid kollu, ftit tas-sigħat ilu, is-Segretarju Ġenerali ta’ Roma, Panteleo Longo, irriżenja mill-kariga wara dak kollu li seħħ. L-ironija, jekk wieħed jista’ jsejħilha hekk, hi li l-istess Longo se jkun qed jingħaqad mat-team li ħa vantaġġ minn dan it-taħwid kollu jiġifieri Hellas Verona.  

Sadanittant Roma mistennija jappellaw minn din is-sentenza li skond ħafna kienet ferm ħarxa. Il-logħba oriġinali spiċċat fi draw ta’ 0-0.  

Kollox beda meta fil-lista ta’ players tal-Giallorossi, il-player ta’ nofs il-ground mill-Guinea, Amadou Diawara, ma ġiex irreġistrat mal-lista tal-players ta’ taħt it-22 sena. Dan kollu ma ħarabx l-għajnejn attenti tal-Lega Serie A li kkundannat lil Roma għal telfa ta’ 3-0 fuq il-mejda. 

L-iktar affari stramba hija l-fatt li donnu Verona diġá pprovdewlu xogħol sabiex jieħu l-kariga li kellu mat-team mill-belt kapitali Taljana. Iżda Roma mhux se joqogħdu għal dan kollu u talbu sabiex ikun hemm investigazzjoni interna hekk kif qed jiġihom suspetti li kollox sar bil-moħbi. Kelliem għal Roma qal li dan l-iżball amministrattiv m’għandux jeffettwa ir-riżultat finali.  

Share With: