Kampjonat Premier: Jingħataw dettalji dwar il-prevenzjoni tal-coronavirus

Hekk kif nhar is-Sibt jingħata bidu għall-Kampjonat Premier, ġiet organizzata konferenza stampa fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium fejn ingħataw dettalji dwar l-aħħar aġġornamenti rigward il-preparamenti li se jkunu qed iseħħu kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni li se jkunu qed jittieħdu biex jipprevjenu t-tixrid tal-coronavirus.

Il-kelliema ta’ din il-laqgħa kienu s-segretarju ġenerali tal-MFA, Angelo Chetcuti, id-direttur tal-organizazzjo­ni tal-logħbiet, Stephen Az­­-zopardi, u l-kap il-ġdid tal-marketing, Matthew Spiteri Gonzi.

L-Avukat Chetcuti sostna li sa mill-bidu meta l-awtori­tajiet tas-saħħa Maltin taw il-permess biex isiru attivitajiet sportivi, huma bdew ħidma bla heda biex joħolqu protokolli li bihom ikun jista’ jerġa’ jintlagħab il-football.

Bħala assoċjazzjoni kien hemm kuntatt kontinwu mas- supredentent tas-saħħa pubblika.

Huma mill-ewwel infurmaw lill-clubs rispettivi dwar dawn il-bidliet biex ikunu jistgħu jattwawhom minnufih.

Is-Sur Azzopardi saħaq li s-saħħa tal-players, diriġenti, referees, membri tal-media u dawk kollha involuti tibqa’ l-prijoritá assoluta.

Fil-fatt inħadmu linji gwida għal dawk kollha involuti biex tiġi assigurata l-aqwa kundizzjoni possibbli filwaqt li jinżammu l-miżuri kollha neċessarji ta’ mitigazzjoni.

Huwa għalhekk li se jkun hemm spazju ta’ ħin bejn logħba u oħra biex il-faċili­tajiet fejn se jintlagħbu l-logħbiet ikunu mnaddfa bl-aħjar mod possibbli. 

Sadanittant il-kap tal-marketing, is-Sur Spiteri Gonzi, saħaq li minkejja li qed ngħixu fi żminijiet straordinarji, bħala dipartiment huma ħadmu qatigħ biex jaraw li l-logħba tal-football tkompli f’pajjiżna filwaqt li komplew bil-kampanja tagħhom biex jippromwovu l-ogħla kampjonat Malti.

Kif inhu fatt magħruf, il-logħob se jkun qed jintlagħab bil-bibien magħluqa u skond ir-regolamenti li tfasslu mill-protokoll bl-isem ta’ “Malta FA Return to Play” bir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Skond dan il-protokoll, rappreżentanti mill-mezzi tax-xandir, fotografi u came­ra­persons iridu jilbsu l-mas­kra jew il-visor waqt li jkunu qed jagħmlu xogħlhom fil-ground filwaqt li jżommu d-distanza soċjali adekwata.

Huma se jkunu mħeġġa wkoll li japplikaw hand sani­tizers qabel kull logħba partikolari.

Meta jkun hemm żewġ logħbiet fl-istess ground, ir-rappreżentanti tal-midja jridu joħorġu mill-post biex iż-żoni ta’ fejn ikunu jiġu diżinfettati u mnaddfa bejn partita u oħra. Huma qed jiġu mħeġġa wkoll biex ma jiltaqgħux bejniethom bejn il-waqfa tal-logħbiet. 

Fl-istess waqt in-numru ta’ ġurnalisti akkreditati se jkun limitat biss għal min ikun   imissu jaħdem dawk il-logħbiet assenjati lilu. 

Għal kull logħba tal-kampjonat, ir-rappreżentanti tal- midja jridu jiġu assenjati mill-kap tal-isport tal-ġurnal jew televiżjoni rispettiv u eventwalment approvati mid-dipartiment tal-kommunikazzjoni tal-MFA.

Anke r-rekwiżiti għall-fotografi se jiġu evalwati minn ħin għall-ieħor. Fil-fatt se jkunu biss tmienja l-fotografi li se jkollhom aċċess għall-ground,  bi grupp ta’ erbgħa li jkunu jistgħu joqogħdu f’kull naħa tal-ground. Huma se jkollhom il-post tagħhom immarkat biex joqogħdu fil-punt allokat lilhom.

Waqt il-ġurnata tal-logħba, il-ġurnalisti sportivi jin­għataw aċċess fl-istadium meta jippreżentaw il-card maħ­ruġa mill-MFA u jiġbru biljett apposta. Huma għandhom jibqgħu fil-post assenjat lilhom matul il-logħba kollha. 

Biex jitnaqqas in-numru ta’ materjal stampat anke bħala prekawzjoni kontra l-Covid-19, il-lista ta’ players ta’ kull team se tintbagħat b’email u mpoġġija wkoll fuq is-sit uffiċjali tal-MFA.

Wara l-partita, l-intervisti mill-istazzjonijiet televiżivi lokali se jsiru mill-ground stess filwaqt li tinżamm id-distanza soċjali meħtieġa billi dak li jintervista u l-ca­meramen iżommu żewġ metri bogħod. 

Jekk xi ħadd jiġi misjub bħala pożittiv għall-Covid-19 jew qed jippreżenta xi tip ta’ sintomi, m’għandux jattendi għal-logħbiet.

Dan jgħodd ukoll jekk membru tal-familja ta’ rappreżentant tal-midja jkollu l-istess kundizzjonijiet. Jekk persuna jħoss xi tip ta’ sintomi waqt li jkun qed jirrap­porta logħba, huwa għandu jitlaq mill-post minnufih filwaqt li jiġi gwidat minn rappreżentant tas-saħħa pubblika. 

Fl-aħħarnett skond il-protokoll miftiehem, rappreżen­tanti tal-midja jistgħu jintalbu jagħmlu s-swab test b’kontrolli li jsiru kull tant ħin. 

Share With: