“L-ekonomija mistennija tirpilja matul is-sena li ġejja”

Waqt it-tnedija tal-Pre-Budget Document 2021, il-Ministru tal-Finanzi jisħaq li l-iskemi mnedija fid-dawl tal-Covid-19 “ser ikunu iktar speċifiċi f’din il-fażi ekonomika li ġejja”

Minn – MATTHEW CHARLES ZAMMIT

“Il-ħidma tal-Gvern sejra tkun indirizzata biex tikseb l-irpiljar komplet tal-attività ekonomika matul is-sena li ġejja. Sejrin nilħqu dan l-għan tramite miżuri li ser isibu bilanċ bejn is-saħħa pubblika u l-ekonomija.” Hekk saħaq il-Gvern waqt li kien qiegħed iniedi il-Pre-Budget Document għas-sena li ġejja.

Waqt li kien qiegħed iniedi dan id-dokument, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saħaq li l-Gvern sejjer jibqa jagħti l-appoġġ tiegħu lilnn-negozji ż-żgħar, sa’ anke wara li tispiċċa l-pandemija tal-Covid-19. “Minkejja li l-isfond tal-baġit tal-lum mhux wieħed normali, huma ċirkostanzi bħal dawn fejn il-Gvern, flimkien mal-MCESD u mas-Soċjetà Ċivili, jridu juru l-kapaċità tagħhom biex jiffaċċjaw din il-kriżi.”

Il-Ministru tal-Ekonomija saħaq li l-miżuri sejrin ikollhom l-għan li jħarsu lejn l-aspett tal-likwidità fi ħdan in-negozji lokali, u biex jassigura bilanċ fil-finanzi tal-Gvern hekk kif il-pajjiż mistenni jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-ekonomija fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19.

“Il-Gvern ser jibqa’ wara n-negozji, kbar u ż-żgħar. Bħalissa, huwa ż-żmien biex il-Gvern ikompli jagħti in-nifs, u l-ossiġnu ekonomniku tant neċessarji biex jibqgħu għaddejjin b’ritmu b’saħħtu pero fl-istess ħin, għal kull spiża li sejjer jonfoq il-Gvern bħalissa, aħna konxji li mbagħad inkunu irridu nerġgħu    niksbuhom lura fis-snin li ġejjin. Huwa għalhekk li rridu dejjem nibqgħu nżommu bilanċ bejn il-ħtiġijiet ekonomiċi ta’ bħalissa, u dawk tal-futur.”

Mistoqsi minn L-Orizzont fuq il-Kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela, meta saħaq li l-pandemija Covid-19 m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jerġgħu jiġu introdotti miżuri ta’ awsterità, Scicluna saħaq li dan il-Gvern kien sod fuqha. “Din it-teorija ilna nafuha mit-tletinijiet: Meta pajjiż isib ruħu fi kriżi ekonomika, il-Gvern ma jistax jiddeċiedi li jixxotta mill-infiq tiegħu, għaliex din tkun qegħda tagħmel is-sitwazzjoni agħar, u jkabbar il-kriżi b’mod allarmanti.”

“Li rridu nagħmlu f’dawn iż-żminijiet huma dejjem li nsibu bilanċ bejn l-infiq neċessarju għall-Gvern biex nassistu lin-negozji bid-diffikultajiet fin-nuqqas ta’ domanda, u nagħtu lin-negozji l-ossiġnu neċessarji, pero fl-istess ħin dan għandu jsir biss sa’ ċert punt, għax inkella ikun imiss lill-Gvern li jsib lilu nnifsu ġewwa ħofra li ma jkunx jista’ joħroġ minnha.”

Dan is-sit staqsa wkoll jekk l-iskemi differenti, fosthom dik tal-vouchers u kif ukoll tal-wage supplement, kienux b’xi mod msemmija, re-introdotti jew mibdula għas-sena li ġejja. Scicluna saħaq li dawn l-iniżjattivi għenu “biex jagħtu spinta diretta fid-demm tal-ekonomija tagħna, u ma kinux biss skemi indiretti. Issa jmiss lill-Gvern, kif qiegħed jagħmel, biex jistudja bir-reqqa l-effetti kollha ta’ dawn l-inizjattivi li kellhom fuq din l-ekonomija, u nagħmlu t-tibdiliet neċessarji biex nadattawhom għall-fażi l-ġdida ta’ din il-pandemija.”

“Irridu li dawn l-iskemi ma jibqgħux speċifiċi bl-istess mod li kellna s’issa. Filwaqt li l-ewwel miżuri kienu ta’ emerġenza u għajnuna immedjata, issa la għadda ż-żmien u eżaminajna iktar bid-dettall l-impatt ekonomiku, qegħdin nimmiraw li l-miżuri li jmiss jkunu iktar granulari, u jagħtu l-ikbar impatt lil dawk li jkollhom l-iktar bżonn.”

Share With: