L-Indipendenza

Lanqas fi żmiena ma kienet vera indipendenza.  Waħda mill-akbar raġunijiet għal dan kien l-ammont  ta’ art li xorta kienet baqgħet f’idejn il-militar Ingliż.  Kull ma trid tħares lejn il-mappa ta’ Malta ta’ dak iż-żmien.  

Kien meta neħħejna l-bażi Ingliża u meta kellna politika barranija newtrali li ersaqna sew lejn l-indipendenza vera.  Dan għaliex sew il-politika interna u sew il-politika esterna kienet ibbażata fuq l-interessi u l-prinċipji tagħna.  Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea tlifna ħafna mill-politika interna.  Dan narawh mil-liġijiet li jgħaddi l-Parlament Malti llum.  Issib li ħafna mil-liġijiet ma huma xejn għajr riflessjoni tad-Direttivi u Regolamenti tal-UE li jkollna ta’ bilfors li ndaħħluhom.  L-oħrajn, għalkemm ikunu tagħna, irid ikollhom l-approvazzjoni formali jew informali tal-UE.  Daqshekk aħna indipendenti.

Biss dan mhux biżżejjed għal-UE, għaliex hemm sforzi biex anki kemm nimponu taxxi u fuq xiex, dawn iridu jkunu konformi ma’ dawk li jridu l-maġġoranza ta’ pajjiżi kbar Ewropej.  

Biex tkompli tgħaxxaqha, issa jridu li anki l-politika barranija tagħna jikkontrollaw.  Bħalissa hemm sforz biex il-politika barranija tiġi wkoll diterminata mill-maġġoranza tal-pajjiżi l-kbar tal-UE.  Li kieku konna pajjiż kbir, is-sitwazzjoni ma kinitx tkun daqshekk ħażina.  Dan narawh sew mill-Ungerija u sew mill-Polonja għaliex jagħmlu li jridu u għax huma kbar ħadd ma jkellimhom. 

Ċipru hu pajjiż żgħir bħalna.  Ilhom jitmejlu bih, snin sħaħ.  Biss issa xeba u qed jirreżisti li japprova per eżempju, restrizzjonijiet fuq Belarus.  Jekk aħna ma nagħmlux l-istess, mhux biss is-sitwazzjoni tal-immigranti ser tibqa’ l-istess, imma nerġgħu nsiru formalment kolonja għaliex ħafna mill-politika tagħna – interna u sew esterna – ser issir ‘reserved matters’ u mhux ser tibqa’ f’idejn il-Gvern Malti iżda f’idejn Brussels.  

Flus lill-politici

Ftit ta’ ġimgħat ilu dan is-suġġett reġa tela’ fl-aħbarijiet peress li kandidat beda jiġbor il-flus biex imexxi l-kampanja tiegħu.   Kien hemm min qarras wiċċu għal dan.  Tajjeb li nħarsu lejn dan is-suġġett għaliex dan iħasseb lin-nies.

In-nies jitħassbu dwar dan għax hemm raġuni.  Ir-raġuni hi li politiku, meta jieħu xi pożizzjoni politika u għalhekk ikollu l-poter li jmexxi xi ħaġa, dan obbligat li jmexxi l-affarijiet fl-interess tan-nies in ġenerali u mhux tiegħu jew ta’ dawk in-nies li kienu tawh il-flus biex jieħu l-poter.  In-nies jitħassbu minħabba li jekk politiku jkun irċieva flus mingħand persuni għall-kampanja politika tiegħu, dan vera ser jistma lil kulħadd l-istess u jieħu ħsieb l-interessi ta’ kulħadd?  Jew ser jibda obliggat lejn dawk li jkunu tawh flus għall-kampanja tiegħu?  In-nies jidħlulhom dubji kbar.

Biss irridu naraw l-istampa kollha.  X’jiġri jekk ma naċċettawx li politiċi m’għandhomx jiġbru flus?  Jekk ikollna sitwazzjoni bħal din, dawk li ma jkollhomx flus biżżejjed biex imexxu l-kampanja tagħhom, qatt mhu ser jirnexxilhom jitilgħu fil-Parlament u l-Parlament tagħna jkun kollu nies tal-flus. Jien ċert li n-nies ma jridux hekk għax ikunu biss l-interessi ta’ ċerta nies u mhux ta’ kulħadd li jiġu mmexxija ‘l quddiem.  

F’sitwazzjoni bħal din, fejn hemm periklu u gwadanji fuq kull naħa, hemm soluzzjonijiet?

Hemm.  Soluzzjoni minnhom hi li l-gvern jibda jagħti somma ta’ flus lil kull min ikun irid joħroġ għal politika biex imexxi l-kampanja tiegħu.  Ħafna nies ma jaqblux ma’ dan għaliex jafu li ser ikunu huma, permezz tat-taxxi tagħhom, li ser iħallsu l-ispejjeż għal dan. 

Hemm soluzzjoni oħra.  Li naċċettaw li l-politiċi jiġbru flus biex imexxu l-kampanja tagħhom taħt numru ta’ kundizzjonijiet.  Żewġ kundizzjonijiet li nara li huma importanti huma dawn.  L-ewwel irid ikun hemm liġi li tistabilixxi l-akbar ammont li wieħed jista’ jagħti lil xi kandidat.  Hu importanti li l-ammont ma jkunx kbir ħafna.  Dan biex min qed jagħti l-flus ma jkollux influwenza kbira fuq il-kandidat.  It-tieni kundizzjoni hi li l-ismijiet għandhom ikunu magħrufa u miżmuma minn xi awtorita’.  S’intendi l-ismijiet ma jkunux għall-pubbliku imma għal xi awtorita’ li jkollha bżonn tistħarreġ xi ħaġa.  Bħala eżempju għandek l-awtoritajiet tal-finanzi li jkunu jistgħu jagħmlu l-istħarriġ tagħhom u jiggarantixxu li m’hemmx ħasil ta’ flus.  Dan it-tagħrif hu importanti wkoll għall-pulizija jekk ikunu qed jinvestigaw xi ħaġa.

Id-donazzjonijiet jew self lill-partiti, għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet għalkemm l-ammont li ċittadin jista’ jagħti jista’ jkun akbar.  Din hi kontroversja li ilha magħna u sfortunatament għadna m’għamilna xejn dwarha.  

Il-Ħlas tal-VAT

Fit-tellieqa għall-kap tal-PN ħareġ li kandidat minnhom kien ilu snin biex iħallas il-VAT.  Dan minkejja li skont rapporti kien hemm fuq l-elf ruħ li kienu ġew ikkundannati mill-qorti għaliex ma ħallsux il-VAT.  Jien nixtieq nistaqsi għaliex ma kienux ittieħdu passi?  Jista’ d-dipartiment ikkonċernat jgħidilna għaliex f’dan il-każ ma kienux ittieħdu passi?  Min ħa din id-deċiżjoni u fuq liema bażi ħadha?  

Importanti li jkollna risposta, għaliex il-persuna jista’ jkollha pożizzjoni importanti u għaliex hemm is-saltna tad-dritt fejn suppost li kulħadd jiġi stmat l-istess.

Il-Qorti

Qed insemmi l-qorti.  F’dawn il-ġranet kien hemm tifel ta’ 14-il sena li kien ser isiefer b’dokumenti foloz.  Li bqajt skantat hu għaliex ixxandar ismu?  Is-soltu, safejn naf jien, l-ismijiet  ta’ dawk taħt it-18-il sena l-qorti ma tippermettix li jixxandru?  Għaliex din id-darba ma sarx hekk?  L-unika ħaġa li tidħolli f’moħħi hi għax hu immigrant. 

L-anzjani

Dan l-aħħar il-gvern ta għajnuna lil numru ta’ Kunsilli Lokali biex jintroduċu servizz ta’ trasport għall-anzjani (bil-Malti xjuħ).  Din hi xi ħaġa tajba.  Personalment inħoss li dan is-servizz għandu jkun għal dawk li ma jkunux jistgħu jimxu.  Ir-raġuni hi li għandek ħafna xjuħ li huma f’qagħda tajba li jistgħu jimxu – xi ħaġa li anki għalihom stess tagħmel il-ġid.

Nemmen li dawk li jistgħu u jħobbu jimxu għandna ngħinuhom.  L-aktar ħaġa li turta lil dawn ix-xjuħ, fosthom lili, hi l-bankini.  Ma tmur fl-ebda pajjiż fejn il-bankini huma bħal tagħna.  Fil-bankini tagħna, fl-istess bankina ssib li din daqqa  tiela ‘l fuq u daqqa nieżla l-isfel, daqqa għolja u ftit wara ssibha baxxa, daqqa xxaqleb lejn il-lemin u daqqa lejn ix-xellug.  Ix-xjuħ li jimxu fuq il-bankini jħossuhom bħal dagħsa f’nofs maltempata.  Hu għalhekk li dawn in-nies jippreferu jimxu fit-triq minflok fuq il-bankina minkejja li hemm il-periklu tal-karozzi għaddejjin. Huma dawn l-affarijiet sempliċi li għandna nirranġaw biex nagħmlu l-ħajja aktar faċli għax-xjuħ tagħna. 

Fl’antik kellna soluzzjoni.  Il-bankini jkunu kollha ta’ l-istess livell u min ikollu garage kien jagħmel żurżieqa tal-injam biex joħorġu l-karozza.  

Share With: