L-Indipendenza

Minn Alfred Sant

Fortunatament, il-kontroversji politiċi pjuttost sterili dwar liem hi l-aqwa bħala festa, jekk hux l-Indipendenza jew Jum il-Ħelsien fl-aħħar inqatgħu. L-Indipendenza li biha l-gżejjer Maltin saru stat sovran tista’ tiġi kommemorata minn kulħadd għalkemm kulħadd imbagħad għandu d-dritt li jqis skont il-valuri tiegħu, il-mod kif ġiet mirbuħa.

Għidtha drabi oħra u nerġa’ ngħidha: Għalija, l-aqwa siwi tal-Indipendenza joħroġ mill-kisbiet ekonomiċi li kellu l-pajjiż minn meta twettqet. Tqabbel it-tkabbir ekonomiku mill-Indipendenza lil hawn ma’ dak li ntlaħaq fl-istess medda ta’ snin qabel, issib li tal-ewwel jgħaddi lil tat-tieni b’marġini kbir. Speċjalment sas-sena li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea u matul l-aħħar sitta/seba’ snin, it-tkabbir kien meraviljuż.

Wettaqna progress fi ftit snin li ma ntlaħaqx f’seklu u nofs kważi. Ħaġa stramba kif l-eċċezzjoni kienu l-ewwel snin tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ara din hi xi ħaġa oħra li ma tintqalx dwar is-sħubija.

***

IT-TIENI MEWĠA

It-tieni mewġa tal-corona virus qed tkun aktar perfda mill-ewwel waħda. Qed tinfirex malajr, tattakka kbar u żgħar, u tevita ħafna mill-ixkiel li tgħallimna nagħmlu biex nilqgħulha. Għalkemm jiġi s-suspett li f’hekk, qed issib għajnuna minn ħafna ċittadini li mhumiex jagħtu kas ta’ għemilhom u qed joħolqu problemi kbar għall-bqija…

Il-konsolazzjoni barra pajjiżna tidher li hi li r-rata ta’ mortalità mhijiex qawwija daqs matul l-ewwel mewġa. Mn-naħa l-oħra, jissemma kif illum qed isiru ħafna aktar testijiet għall-marda milli kienu jsiru fl-eqqel tal-ewwel mewġa.

Dawk kollha bħali, li mhumiex speċjalisti tal-epidemiji imma li jinsabu mħassba bid-danni kbar li covid 19 qed tikkawża – ekonomiċi, edukattivi, sanitarji, soċjali, jirrealizzaw il-pressjoni li qed jaġixxu taħtha dawk kollha fil-qasam publiku li jkollhom jieħdu deċiżjonijiet delikati waqt li ninsabu nieqsa minn informazzjoni sħiħa dwar l-effetti tal-imxija.

***

JOBOGĦDU L-KLIEB

Drajna nisimgħu id-diskors ta’ dawk li għandhom kelb jew huma midħla tal-klieb u għalhekk jifirħu bihom.

Dan l-aħħar kont fil-kumpanija ta’ persuni li bil-maqlub, mingħajr ma jobogħdu l-annimali kollha kemm huma (kif tista’ tkun hekk?), ma jaħmlux lill-klieb. Kienet esperjenza mhux tas-soltu, f’ċerti punti komika, tismagħhom jitkellmu dwar l-annimal li mdorrija nqisuh bħala l-aqwa ħabib tal-bniedem.

Għajru lill-klieb bħala maħmuġin għax b’imneħirhom jgħawru fl-inħawi mnittna ta’ triq u jħallu t-traċċi likwidi tagħhom ma’ kull kantuniera u arblu.  Gergru kif klieb jitħallew jiġru fit-toroq bla ċinga u jiġu jħokku ma’ nies għaddejja. Irrabjaw kif klieb jittieħdu jitbaħbħu kull fejn ikun hemm in-nies qed tgħum b’kulħadd mistenni jiggostahom.

Erġajt indunajt kif fil-ħajja, ħafna jitferrħu b’ħaġa u oħrajn jistkerrħuha.   

Share With: