L-Indja taqbeż lill-Brażil fin-numru ta’ infezzjonijiet tal-pandemija

L-Indja rreġistrat iktar minn 90,000 każ ġdid ta’ Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa u b’hekk it-total ta’ każi ta’ infezzjonijiet f’dan il-pajjiż qabeż lil dak tal-Brażil.

B’dawn iċ-ċifri, l-Indja għandha t-tieni l-akbar numru ta’ każijiet ikkonfermati fid-dinja, dak ta’ 4,204,613. In-numru ta’ mwiet f’dan il-pajjiż huwa ta’ 71,642 li huwa t-tielet l-iktar fid-dinja. 

Iż-żieda sostanzjali fil- każijiet qiegħda sseħħ fi żmien meta l-gvern qiegħed ikompli jneħħi s-sanzjonijiet bil-għan li jsaħħaħ l-ekonomija. 

Minn kemm ilu li dan il-virus laqat il-pajjiż, kienu miljuni dawk il-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom ġewwa l-Indja. Dawn kollu wassal biex għal dawn l-aħħar ġranet l-Indja bdiet tirreġistra 75,000 każ ġdid ta’ kuljum. Iktar minn 60% tal-każi ġodda huma ġejjin mill-istati ta’ Andhra Pradesh, Tamil Nadu, Karnataka, Maharashtra u Ut- tar Pradesh. Dawn huma l-iktar stati popolati fil-pajjiż. 

Il-każi żdiedu b’mod sostanzjali wkoll fil-kapitali Delhi, b’iktar minn 3,200 infezzjoni matul il-ġurnata tal-Ħadd. Iż-żieda sostanzjali fil-każi hija dovuta wkoll għall-fatt li issa f’dan il-pajjiż qegħdin isiru iktar testijiet. 

L-Indja għandha rata ta’ mwiet baxxa meta mqabbla man-numru ta’ infezzjonijiet, iżda l-istatistika miġbura f’dawn l-aħħar sebat ijiem qiegħda tħasseb lill-awtorita- jiet hekk kif f’dawn il-ġranet, ta’ kuljum, kienu qegħdin jiġu rreġistrati kważi 1,000 mewt. 

Share With: