L-ispiża fuq il-mediċina tal-kanċer din is-sena mistennija titla’ għal €12-il miljun jew €13-il miljun

Il-President ta’ Malta George Vella qal li d-diffikultajiet li qed tħabbat wiċċha magħhom il-Community Chest Fund illum huma ħafna akbar milli kienu fis-snin li għaddew. Dan għaliex in-numru tal-pazjenti li jeħtieġu l-għajnuna żdied filwaqt li l-ispejjeż tal-mediċini tal-kanċer splodew ‘il fuq.

Fl-2015 l-ispiża tal-Fond fuq il-mediċini kienet taħt il-miljun, fl-2018 telgħet għal €8 miljun, fl-2019 skorriet l-€10 miljun u huwa stmat li din is-sena se titla’ għal €12-il miljun jew €13-il miljun. Dan ifisser li jeħtieġu aktar minn miljun ewro fix-xahar. 

Waqt attività tradizzjonali li fiha ġew ippreżentati lilu flus minn ġbir li sar mid-diversi għaqdiet volontarji u soċjetajiet Naxxarin għall-Community Chest Fund, il-President Vella ddeskriva l-imħabba lejn il-proxxmu li juru n-nies permezz tad-donazzjonijiet tagħhom bħala mhux biss att ta’ karità ma’ ħaddieħor iżda wkoll investiment f’dak li jista’ jkollna bżonn aħna stess jew nies qrib tagħna ħafna.

Il-President ta’ Malta rrimarka li spiċċa żmien li l-Community Chest Fund jibqgħalha anki xi ħaġa żejda tal-flus li setgħu jiġu investiti fi proġetti. F’dan il-kuntest, irrefera għal kitbiet li dehru fil-midja soċjali, li qalu li l-Fond kien qed jagħtu l-flus mhux biss għall-mard iżda għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Spjega kif fil-passat, meta kien hemm xi flus żejda, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi ntalbu joffru programmi ta’ għajnuna soċjali u oħrajn ta’ ħidma mal-persuni b’diżabilità ħalli tingħatalahom għajnuna permezz ta’ dawn il-flus. “Dawn il-programmi, uħud minnhom spiċċaw; fadal xi wieħed jew tnejn li bqajna nħallsu dak li kien dovut għax ma tistax tmur lura minn kuntratt,” qal il-President. “Però llum, mhux talli m’għadniex minn fejn nagħmlu dan it-tip ta’ nfiq, talli jekk mhux se niġu megħjunin bis-serjetà ma nafx fejn se nispiċċaw.”

Huwa appella biex lokalitajiet oħrajn jieħdu l-eżempju tan-Naxxar u jingħaqdu f’għanijiet komuni bħal din il-ġabra annwali b’risq il-Community Chest Fund.

Share With: