L-SCSA tiċċara li se tkompli dejjem iżżid l-ammont ta’ swabs li jsiru fid-djar tal-anzjani

Bl-assistenza tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qiegħda żżid l-ammont ta’ swabs li qegħdin isiru fid-djar tal-anzjani. Dan bil-kontra ta’ dak li ntqal fuq ċerta sezzjonijiet tal-midja.

Dan ġie kkonfermat minn kelliem tal-istess Awtorità li spjega kif minn Ġunju tal-2020, l-Awtorità bdiet taħdem mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jibda jsir l-eżerċizzju tal-iswabbing fid-djar u residenzi tal-anzjani. 

Sal-lum, permezz ta’ dan l-eżerċizzju saru mal-10,000 swab kemm fost ir-residenti u anke lill-istaff li jaħdmu fid-djar residenzjali. 

Ta’ min wieħed jispjega li meta jiġi identifikat każ pożittiv, mill-ewwel tiskatta l-proċedura tal-contact tracing u jsir anke l-iswabbing skont il-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. 

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tinsab kommessa li tkompli tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti kollha fid-djar tal-anzjani u se tkompli dejjem iżżid in-numru ta’ swabs li jsiru kuljum, bl-assistenza tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Awtoritajiet tas-Saħħa. 

Share With: