Mal-2,000 ħanżir jinqerdu f’nirien f’razzett fl-Irlanda ta’ Fuq

Kważi 2,000 ħanżir mietu maħruqin f’nirien li ħakmu razzett f’County Down fl-Irlanda ta’ Fuq.

Il-pumpiera ssejħu f’Kilkeel ilbieraħ filgħaxija fejn skont l-ewwel stħarriġ qed ikun stmat li nqerdu bejn 1,500 u 2,000 ħanżir f’dan l-inċident. Wieħed mill-pumpiera sofra xi ħruq f’saqajh u kellu jittieħed fi sptar għall-kura meħtieġa.

Skont l-uffiċjali tat-tifi tan-nar, għadd ta’ pumpiera għamlu madwar tliet sigħat sakemm ikkontrollaw in-nirien fiż-żona. Wieħed mill-uffiċjali għoljin li kienu fil-post qal li kienet xena makabra dik li assistew fl-aħħar sigħat iżda tal-anqas irnexxielhom jipproteġu l-ħnieżer l-oħrajn li kienu mxerrdin f’partijiet oħra tar-razzett.

Huma wrew solidarjetà mas-sid u l-ħaddiema tal-post li se jkunu qed jaffaċċjaw diversi konsegwenzi kawża ta’ dan l-inċident.

Share With: