Malta l-inqas fl-Ewropa għall-użu regolari tal-kannabis

Rapport li għadu kemm ħareġ dwar l-użu tad-droga fl-Ewropa u l-qabdiet li saru f’dan il-kontinent jgħid li Malta għandha l-inqas rata ta’ nies li b’mod regolari jieħdu l-kannabis.

Ir-rapport “European Drug Report”, maħruġ mill-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction, juri li b’4% li jikkunsmaw il-kannabis b’mod regolari Malta għandha l-inqas rata meta l-ogħla waħda kienet reġistrata fi Franza b’45%.

Il-figuri b’rabta ma’ Malta huma ibbażati fuq ċifri tal-2017 u juru li f’din is-sena f’pajjżina kien hemm 729 li kienu qed jieħdu trattament konta l-vizzju tal-eroina, 77 b’rabta mal-kokaina u 146 minħabba l-użu tal-kannabis.

Matul l-imsemmija sena kien hemm ukoll ħames imwiet minħabba d-droga u tqassmu 275,969 fi programmi speċjalizzati.

Fir-rigward ta’ qabdiet ta’ droga f’Malta, l-2017 rat lill-Pulizja u lid-Dwana jaqbdu ħames kilos eroina f’20 każ; 188 kilo kokaina f’166 każ; 369 pillola MDMA, MDA u MDEA fi 83 każ; 17,366 kilo reżina kannabis fi 22 qabda, 594.6 kilo mariwana f’171 każ u żewġ pjanti kannabis f’żewġ qabdiet.

Ir-rapport juru li fl-Ewropa huma 96 miljun il-persuni ta’ bejn il-15 u l-64 sena li xi darba jew oħra ħadu d-droga bl-iktar droga popolari tkun il-kannabis segwita mill-kokaina.

B’mod ġenerali bħala qabdiet ta’ droga fl-Ewropa 40% kienet mariwana, 29% reżina kannabis, 2% pjanta tal-kannabis, 10% kokaina, 6% amfetamina, 5% eroina u 3% MDMA li hija droga sintetika.

Mis-96 miljun li ħadu d-droga 57.8 miljun kienu rġiel u 38.4 miljun nisa bl-ikbar numru, 54.6 miljun raġel u 35.7 miljun, użaw il-kannabis.

Huma kienu segwiti minn 12.1 miljun raġel u 5.8 miljun mara li wżaw il-kokaina u 9.1 miljun raġel u 4.6 miljun mara li wżaw l-MDMA.

Share With: