Manchester United isegwu b’interess lil Sergio Reguilon

Scouts ta’ Manchester United jinsabu fil-belt kapitali Spanjola, Madrid,  biex jaraw fl-azzjoni lid-difensur lemini ta’ Real Madrid Sergio Reguilon. Huwa għandu 23 sena u f’dawn l-aħħar snin dejjem kien mogħti b’self lil xi club ieħor. Fil-fatt wara esperjenza ma’ Logrones FC, fl-istaġun li għadda kien misluf lil Sevilla. Ma’ dawn tal-aħħar hu impressjona ferm tant li kien jilgħab regolari fin-naħa xellugija tal-ground. Barra minn hekk huwa kien parti mis-suċċess tal-UEFA Europa League.

Il-coach tar-Red Devils, Ole Gunnar Solskjaer, qed ifittex player li jista’ jilgħab fis-sistema difensiva tiegħu. Huwa nnota l-kwalitajiet ta’ Reguilon u pront informa lil Mick Court li huwa l-bniedem responsabbli mill-iscouting tal-club.

Reguilon lagħab biss 14-il darba ma’ Real Madrid iżda qatt ma rnexxielu jiskorja. L-għan tiegħu hu dak li jsib club li jagħtih garanzija li jilgħab mal-ewwel 11 u l-offerta ta’ Manchester United tidher wisq attraenti biex jirrifjutaha.

Barra minn hekk hwau jidher ferm diffiċli li jista’ jsib postu wara li d-difensuri l-oħra Ferland Mendy u Marcelo stabilixxew ruħhom fid-dipartiment difensiv bil-coach Zinedine Zidane mistenni jagħti l-fiduċja tiegħu lilhom għall-istaġun li ġej. Fl-istess ħin huwa jaf li ma jridx joqgħod fuq il-bank tas-sostituti jew inkella jerġa’ jiġi mogħti b’self lil xi club ieħor.

Dan il-player lagħab darba biss mat-team nazzjonali Spanjol ta’ Taħt il-21 sena għalkemm sena ilu ġie mgħajjat mill-coach Robert Moreno għaż-żewġ logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għal EURO 2020 kontra n-Norveġja u l-Isvezja.

Manchester United qed ifittxu difensur ta’ kwalitá wara li f’ċerti partiti dehru vulnerabbli fid-difiża matul l-istaġun li għadda.

Share With: