Mas-60,000 persuna jniżżlu l-app “COVID Alert Malta”

Mas-60,000 persuna niżżlu l-app tal-contact tracing tal-Covid-19. Dan qalitu llum is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar il-pandemija f’pajjiżna.

Gauci qalet li l-app tniżżlet 43,334 darba fuq sistemi Android, filwaqt li kien hemm 16,394 persuna li niżżlu l-app fuq sistema tal-Apple.

Hija qalet ukoll li ’l fuq minn 30,000 persuna għamlu użu mis-sit tas-saħħa biex jiċċekjaw ir-riżultati tal-iswab test.

L-app kienet imnedija fit-18 ta’ Settembru mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. L-app “COVID Alert Malta” tagħmel użu mis-sistema bluetooth tal-mowbajls biex tagħmel contact tracing. Madankollu l-app ma tiġbor l-ebda informazzjoni dwar il-persuna li tkun qed tagħmel użu minnha.

Meta ġiet imnedija l-app kienet milqugħa bħala għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-virus.

Share With: