Mediċini ġodda għall-mard fil-prostata

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nieda żewġ mediċini ġodda fuq il-formularju tal-Gvern.

Huwa stmat li madwar 15,000 persuna se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-mediċini, li s’issa kienu jinxtraw mill-pazjenti għall-ispiża ta’ madwar €400 kull sena.

“Fil-passat l-uniku soluzzjoni għall-irġiel li kellhom problema fil-prostata kienet operazzjoni. Illum grazzi għall-mediċini nafu li ħafna pazjenti ma jkollhomx bżonn operazzjoni bir-riskji kollha li din iġġib magħha. Sal-lum dawn il-pazjenti kienu qegħdin jixtru l-mediċini relatati mal-prostata, b’nefqa konsiderevoli. Għaldaqstant, matul is-sena li għaddiet konna inkludejna l-problemi bil-prostata fuq ix-Schedule V, bħala waħda mill-kundizzjonijiet li tista’ tieħu mediċini b’xejn għaliha u bdejna ftit ftit indaħħlu l-mediċini b’xejn fuq il-formularju,” qal id-Deputat Prim Ministru.

L-ispiża tal-mediċini b’xejn għall-problemi fil-prostata hija ta’ madwar €5 miljuni fis-sena.

Huwa stmat li 50% tal-irġiel ikunu diġà sofrew bi problemi fil-prostata sakemm jagħlqu l-50 sena. 75% tal-irġiel ikollhom problemi fil-prostata sakemm jagħlqu 80 sena.

Share With: