MFA: Il-protokoll għall-kompetizzjonijiet approvat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa
Il-protokoll tal-MFA “Return to Play”, applikabbli għall-Kampjonat BOV Premier u l-BOV Challenge League għall-istaġun 2020/21, ġie approvat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali. Il-protokoll rigoruż jinkludi xi żviluppi mid-dokument inizjali li ġie ppreżentat, fis-26 ta’ Awwissu, wara iktar konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa.
L-aħħar żviluppi mil-laqgħat kontinwi mal-Awtoritajiet tas-Saħħa fuq il-protokolli tal-Covid-19 u materji relatati ġew diskussi f’Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, il-Ħamis li għadda.
Il-prinċipji mediċi u ta’ prevenzjoni tal-protokoll emendat jinkludu:
- Ittestjar ta’ kampjun rappreżentattiv tal-players u tal-istaff tal-clubs fuq bażi regolari
- Immaniġġar ta’ każijiet pożittvi – individwi konċernati jkunu jridu jiżolaw lilhom infushom; irid isir assessjar effettiv biex jiddetermina min kienu l-kuntatti viċin tagħhom li jkunu jridu jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata (il-perjodu mandatorju stabbilit mill-awtoritajiet tas-saħħa); il-kumplament tal-iskwadra trid tagħmel swab test u tkompli bit-taħriġ jekk tittestja fin-negattiv.
– Prinċipji ta’ iġjene – assessjar taż-żona tal-istadium, użu limitat tad-dressing rooms, partiti mingħajr spettaturi, distanza soċjali u użu tal-maskli f’kull ħin (ħlief fil-pitch), iċċekkjar tat-temperatura fl-entatrura tal-istadium, u sanitizzazzjoni tad-dressing rooms u ż-żoni ristretti bejn il-logħbiet.
L-MFA ppubblikat ukoll protokoll tas-saħħa għall-football amatorjali u tal-grassroots bil-kompetizzjonijiet f’dawn il-kategoriji, fosthom il-BOV National Amateur League, huwa ppjanat li jibda f’Ottubru.
REGOLAMENTI ĠODDA
Ibbażat fuq din is-sitwazzjoni u l-isfidi mingħajr preċedent ikkawżati mill-pandemija tal-Covid-19, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA approva sett ta’ regolamenti speċjali applikabbli għall-Kampjonat BOV Premier u l-BOV Challenge League.
- Il-clubs huma mitluba biex jissottomettu lista tal-iskwadra b’minimu ta’ 25 player.
- Partita kompetittiva tista’ biss tiġi posposta jekk team ma jkollox minimu ta’ 16-il player, fosthom żewġ goalkeepers, disponibbli mil-lista tal-iskwadra li jittestjaw negattiv.
– Estensjoni ta’ ħames sostituzzjonijiet fil-kategoriji kollha (it-timijiet jistgħu addizzjonalment jagħmlu sostituzzjonijiet fil-mistrieħ).
– Meta player, coach, membru tal-istaff tal-club jew membru tal-kumitat tal-club jittestja pożittiv għall-Covid-19, jew inkella jiġi ordnat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa biex jiżola lilu nnifsu, il-persuna hija obbligata li tinforma lill-club. Jekk tonqos milli tagħmel dan, din titqies bħala offiża.
– Player li jkun ordnat li jiżola lilu nnifsu f’jum il-partita jiġi kkunsidrat bħala ineleġibbli u jekk ikun utilizzat fil-pitch, il-player u l-club ikunu suġġett għal sanzjonijiet dixxiplinarji.
IL-FIXTURES
Il-fixtures tal-ewwel tliet ġranet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 kif ukoll l-ewwel żewġ programmi tal-BOV Challenge League ġew pubblikati.
Il-fatt li minħabba l-Covid-19 is-sitwazzjoni qed tvarja, il-Malta FA ppubblikat dawn il-tliet programmi li jwasslu sal-impenn internazzjonali, f’Ottubru li ġej.
Il-Kampjonat BOV Premier se jingħata bidu fid-19 ta’ Settembru filwaqt li l-BOV Challenge League (li qabel kien jissejjaħ L-Ewwel Diviżjoni) se jibda fil-25 ta’ Settembru. Il-logħbiet għandhom jintlagħbu bil-bibien magħluqa sakemm jinħareġ avviż ieħor.
L-ewwel logħba (ta’ kull programm) tibda fil-5.00 pm filwaqt li t-tieni fid-9.15 pm, biex jippermettu ħin suffiċjenti għas-sanitizzazzjoni tad-dressing rooms u żoni ristretti bejn il-logħbiet.
It-tieni ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tintlagħab bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru filwaqt li t-tielet ġurnata se tintlagħab mit-30 ta’ Settembru sal-1 ta’ Ottubru.
L-ISTREAMING DIRETT
Minn dan l-istaġun, il-logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier li mhux se jintwerew dirett fuq il-mezzi tax-xandir – primarjament dawk li se jintlagħbu bil-bibien magħluqa – se jiġu mxandra permezz ta’ streaming dirett fuq pjattaforma diġitali.
Bosta kameras ġew installati f’erba’ stadia – fin-National Stadium, fis-Centenary Stadium, fil-Hibernians Stadium u fil-Victor Tedesco Stadiuim.
Aktar dettalji jitħabbru fiż-żmien opportun.