“M’hemmx għażla bejn Adrian Delia u Bernard Grech” – Il-PL

“Minkejja t-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma hemm l-ebda għażla bejn Adrian Delia u Bernard Grech.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista u li kienet indirizzata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Glenn Bedingfield flimkien mal-Avukat Dr. Andy Ellul.

Matul il-konferenza, Bedingfield innota kif l-eżerċizzju ta’ skrutinju tal-kandidati għall-Kap tal-PN huwa wieħed superfiċjali tant li naqas milli jidentifika nuqqasijiet serji u li ġew irrapurtati fil-midja fil-konfront taż-żewġ kandidati.

Fil-fatt spjega kif il-Partit Nazzjonalista ma jistax jittieħed bis-serjetà meta jitkellem fuq tmexxija ġusta u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.

Dan hekk kif bis-suppost eżerċizzju ta’ diliġenza minflok wera standards ta’ trasparenza, żammew kollox mistur fil-konfront taż-żewġ kandidati.

“Fin-nuqqas li jkun ippubblikat dan ir-rapport ta’ due diligence, aħna diġà għandna problemi serji fuq il-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista, però l-Partit Nazzjonalista issa li għamel dan l-eżerċizzju ma jistax jibqa’ jittieħed bis-serjetà meta jitkellem fuq it-tmexxija u fuq il-governanza t-tajba.”

Minn naħa tiegħu Dr Ellul rrefera għall-aħħar stqarrijiet tal-kandidat Bernard Grech li kellu kontijiet pendenti kemm ta’ taxxa tad-dħul li jmorru lura sa 9 snin ilu u anke ħlas tal-VAT sas-sena l-oħra.

Innota kif donnu Bernard Grech tgħallem minn Adrian Delia u jaħseb li jista’ jagħmel li jrid għax ma ħallasx it-taxxa. 

Fil-fatt sostna kif ir-reazzjoni ta’ Grech għal dak li ġie żvelat fil-midja tqajjem aktar mistoqsijiet mill-risposti.

“Dr. Grech issa daħal fl-arena politika. Qed jaspira li jkun Kap ta’ Partit u Kap tal-Oppożizzjoni u allura ġaladarba qed jaspira li jkun politically exposed person ir-riga ta’ due diligence għandha tkun waħda serja.”

Il-Partit Nazzjonalista tilef il-kredibbiltà kollha. Partit bla viżjoni u kredenzjali biex imexxi ‘l pajjiżna.

Share With: