“M’hemmx mod biex nirringrazzja lil kulħadd… Forza Malta”

“Inħossni verament kburija u grata tal-ammont ta’ messaġġi li rċevejt u m’hemmx mod ta’ kif nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu li kien ta’ sostenn kbir għalija qabel id-debutt tal-bieraħ.” Hekk bdiet biex tikteb fuq il-profil tagħha t-tfajla Maltija li lbieraħ kellha prestazzjoni mill-aqwa fis-Seria A tan-nisa mat-tim ta’ Sassuolo.

Hija żiedet tgħid li għalkemm mhux kulħadd se jkun qiegħed jara dan il-messaġġ ta’ ringrazzjament, iżda minn qiegħ qalbha tixtieq tirringrazzja lil kulħadd u turihom kemm verament tapprezza l-messaġġi u l-kummenti ta’ sostenn li rċeviet.

Hija temmet bil-kliem “Forza Sassuolo, Forza Malta.”

F’logħba li ntlagħbet ilbieraħ filgħaxija, Bugeja skorjat żewġ goals tal-istampi fl-etá ta’ 16-il sena, ma’ Sassuolo fir-rebħa ta’ 3-1 fuq Napoli, fis-Serie A Taljana. 

Bugeja ġabet l-iskor indaqs fil-41 minuta, hekk kif rebħet ballun fil-kaxxa l-kbira, u b’teknika kbira, qabżet lill-plajers avversarji, u tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fit-tieni taqsima, bl-iskor 2-1 favur Sassuolo, Bugeja reġħet skorjat goal ieħor biex issiġillat ir-rebħa għan-Neroverdi permezz tat-tielet goal.

Share With: