Mill-Parlament Ewropew: Ġlieda kontinwa kontra l-abbuż tat-tfal

Miktub mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli

Fil-pajjiżi Ewropej għandna problema serja. Problema li taffettwa lilna wkoll Maltin. Qed nirreferi għall-abbuż tat-tfal inkluż dak online. Fuq l-internet, it-tfal tagħna jistgħu jkunu esposti għall-abbuż kull ħin tal-ġurnata. Dak li jiġri online jaffettwa lil uliedna fid-dinja fiżika. Mhux biss, qed ikollna ħafna tfal li qed jispiċċaw il-vittma ta’ abbuż għax dak li jittella’ fuq siti differenti huwa riżultat ta’ dak li jiġri ‘offline’.

Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew ittrattajt dan is-suġġett waqt diskussjoni mal-Kummissarju Ewropew Ylva Johansson. L-Unjoni Ewropea għandha Direttiva, jisimha ‘Child Sexual Abuse Directive’ li sfortunatament għadha ma ġietx imdaħħla fil-liġijiet ta’ 23 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Din id-direttiva, li nħolqot fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal online, ma tistax tkun effettiva jekk ma tkunx implimentata mill-pajjiżi kollha. Dan għaliex, irid ikun hemm kooperazzjoni fil-prevenzjoni, fil-liġijiet kriminali u fis-servizzi ta’ assistenza, protezzjoni u appoġġ li jingħata lill-vittmi.

Irridu nkunu viġilanti, u aktar ma tiżviluppa t-tekonoloġija, aktar irridu niżviluppaw il-liġijiet u l-għodda biex niġġieldu l-abbuż. In-numri juruna li l-kontenut abbużiv qiegħed jiżdied u mhux jonqos u din hija problema serja li trid risposta immedjata. Matul is-sena li għaddiet biss fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġew rappurtati 725,000 materjal t’abbuż tat-tfal online. Dan il-kontenut ifisser li hemm tfal li qed jiġu abbużati fiżikament, sesswalment u mentalment. Hemm gruppi ta’ pedofeli online, fejn biex wieħed jidħol u jsir parti mill-grupp irid jipprovdi kontenut ġdid. Dan huwa xokkanti għax ikompli juri kemm l-abbuż qed jinfirex. 

Bħala politiku, imma aktar w aktar bħala omm, ma nistax nibqa’ siekta quddiem dawn ir-realtajiet xokkanti. Għalhekk li se nkompli naħdem biex nara li jkollna liġijiet, li dawn jiġu implimentati u li jsir l-infurzar neċessarju.

Fuq nota differenti, kellna aħbar pożittiva fil-Kumitat Parlamentari tal-ambjent wara li għaddejna emendi għal-Liġi dwar il-Klima li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. Bħala l-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti fuq il-Green Deal Ewropew, din hija rebħa għalina doppja għax kien il-grupp politiku tagħna li mexxa din il-liġi. L-għan tagħna huwa li nilħqu ‘climate neutrality’ sal-2050. Dan ifisser li ċertu industriji jridu jieqfu jagħmlu ħsara lill-ambjent u minflok jimxu lejn sorsi li huma aktar nodfa u mudelli ta’ ħidma li ma jniġġsux u li jħarsu l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tagħhom. Dan ukoll jirrifletti dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem dwar ekonomija ‘carbon neutral’ sal-2050 u ppreżenta l-viżjoni tal-gvern preżenti għas-snin li ġejjin. 

Share With: