Mill-Parlament Ewropew: Patt Ġdid

Din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposti tagħha dwar il-Patt il-Ġdid għall-Immigrazzjoni u l-Ażil. Proposta li hija fost l-aktar mistennija u ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna.

Hemm realtajiet differenti fil-pajjiżi Ewropej, iżda l-esperjenza ta’ Malta meta tiġi għall-immigrazzjoni illegali, kienet waħda diffiċli, sal-punt illi kemm-il darba nħossu li s-solidarjetà mal-pajjiżi tal-fruntiera ma tfisser xejn.

Irridu nsibu soluzzjonijiet fl-ambitu tal-ligijiet internazzjonali. Is-sitwazzjoni kif inhi bhalissa qed twassal biex ħafna qed jitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda, irrispettivament għal-liema raġuni l-persuna tkun hawn u daħlitx b’mod legali jew le.

Il-Kummissarju Ewropew Grieg Margaritis Schinas iddeskriva s-sistema kurrenti bħala “non-system”. Bir-raġun għax il-liġijiet li hemm bħalissa ma humiex maħsuba biex jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum.

Biex nindirizzaw l-illegalità, rridu nieħdu miżuri fuq fronti differenti. Irridu:

(1) nindirizzaw il-qofol tal-problemi fil-pajjizi terzi – u din mhux xi haġa li trid issir minn naħa tal-Unjoni Ewropea waħedha iżda tinvolvi x-xenarju internazzjonali;

(2) nkissru ċ-ċriki tal-organizzazzjonijiet kriminali;

(3) li jkollna sistemi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jiskoraġġixxu d-dħul illegali għax qed joffru alternattivi legali;

(4) sistema ta’ ritorn effettiva għal min ma jikwalifikax għal ażil.

Fuq ir-ritorn irid isir ħafna aktar. Huwa stmat li madwar 66% ta’ dawk li jaslu m’għandhomx dritt għal ażil u suppost jintbagħatu lura. Ifisser li l-pajjiżi għandhom bżonn jagħmlu ħafna aktar biex min m’għandux dritt joqgħod f’pajjiż tal-UE jintbagħat lura. Fil-Parlament Ewropew, kont ħdimt fuq dokument legali għar-ritorn ta’ dawn il-persuni u hemm bżonn li dan jintuża b’mod effettiv. Fil-Patt il-ġdid hemm propost li jkun hemm koordinament Ewropew fuq ritorn u huwa ittamat li dan jgħin lill-pajjiżi biex iwettqu r-ritorn.

L-immigrazzjoni illegali tista’ tiġi ndirizzata billi nidħlu f’diskussjonijiet ukoll ma’ pajjiżi ġirien minn fejn qed jitilqu l-immigranti u li ħafna drabi qed jirċievuhom huma stess.

Għad irridu naraw kif il-proposti l-ġodda se jwasslu biex il-piż ta’ influss f’daqqa ma jaqax fuq pajjiż wieħed, u kif it-taħlita ta’ rilokazzjoni u ritorn se jaħdmu. Bħala Malta ridna rilokazzjoni mandatorja, xi ħaġa li l-pajjiżi Ewropej mhux kollha riedu.

Hemm bżonn ta’ pjan konkret għall-immaniġġjar tal-immigrazzjoni. Pjan li jwassal biex din l-isfida komuni tiġi indirizzata mill-iStati Membri kollha tal-UE. Wara kollox, jekk persuna tasal b’mod illegali f’pajjiż jew ieħor, inkluż Malta, din tkun wasslet fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Share With: