Missier Messi ma jagħti l-ebda dettalji rigward it-trasferiment potenzjali ta’ ibnu

Missier Lionel Messi kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti diversi mistoqsijiet dwar il-futur ta’ ibnu issa li sar magħruf li jrid jitlaq lil Barcelona. Minkejja kollox, Jorge Messi kien xott fid-diskors tiegħu bi frażi sempliċi bħal “Jien ma naf xejn dwar dak kollu li qed tistaqsuni!”

Lionel Messi, 33 sena, huwa determinat li jitlaq minn Nou Camp wara sena diżastruża taħt il-gwida tal-ex coach Quique Setein. Żgur li l-coach il-ġdid Ronald Koeman ma kellux il-bidu ideali meta ġie ffaċċjat b’din id-dilemma li xejn ma kienet mistennija.

Jorge Messi jiġi wkoll ir-rappreżentant ta’ ibnu u wara d-dikjarazzjonijiet li saru f’dawn l-aħħar jiem, qed jirċievi numru kbir ta’ messaġġi dwar il-futur ta’ Lionel. Huwa deher jirkeb ajruplan privat b’xi segwaċi tal-football internazzjonali qalu li d-destinazzjoni tiegħu kellha tkun Manchester fejn ibnu qed jissemma’ li jista’ jingħaqad ma’ Manchester City.

Dawn tal-aħħar huma mmexxija minn Pep Guardiola li jingħad li għandu relazzjoni tajba ħafna ma’ Lionel. Fl-istess waqt intlemaħ il-kap eżekuttiv tas-Citizens, Txiki Berigistain, li kien Spanja biex jiddiskuti d-dettalji ta’ dan it-trasferiment imminenti.

Minkejja kollox, Barcelona mhux se jħallu lill-istilla tagħhom jitlaq kif ġieb u laħaq u jingħad li dan il-każ jista’ saħansitra jispiċċa l-qorti.

Fil-fatt Messi qed jaħseb li jista’ jitlaq lill-club b’xejn iżda l-Katalani mhux se jċedu u jridu jieħdu dak li hu tagħhom. Fil-fatt huma qed jgħidu li l-klawsola li Messi jista’ jitlaq b’xejn skadiet f’Ġunju li għadda. Min-naħa tiegħu, Messi qed jisħaq li din kellha tiġi mġedda wara dak li ġara minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 

Jidher li din is-saga bejn Messi u Barcelona se tkompli tiddomina l-kumplament tas-suq tat-trasferimenti tas-sajf.

Messi minn dejjem lagħab ma’ Barcelona u ilu jagħti servizz lill-club għal 20 sena sħaħ. B’kollox huwa lagħab aktar minn 500 logħba f’kull kategorija ta’ Barcelona u skorja 455 goal.

Huwa rebaħ il-Ballun tad-Deheb sitt darbiet u kien il-protagonista assolut tas-snin elfejn flimkien mar-rival, Cristiano Ronaldo.

Share With: