Mulan: Il-mara li ssalva imperu

Minn Mario A. Azzopardi

Hija ħasra kbira li l-kumpanija Disney ma tatniex l-opportunità li naraw “Mulan” fuq l-iskrin il-kbir avolja Malta tħalliet mċaħħda milli tista’ tabbona fid-Disney+. Sabiħ fuq l-iskrin televiżiv; kien ikun ferm aktar spettakolari meta wieħed jarah jimla’ skrin kbir.

Neħħi l-ewwel siegħa fejn jiżviluppa bil-mod imma jiddefinixxi sew il-karattri ewlenin, it-tieni nofs hi spettakolari. Apparti l-azzjoni, l-kuluri huma sbieħ wisq. Għal kwalunkwe leġġenda li toriġina mill-kultura Ċiniża, l-għażla tal-kuluri għandha sinjifikat importanti.

Forsi l-karattru ta’ Mulan mhuwiex fit-tradizzjoni tal-prinċipessi li d-Disney jħobbu jaħdmu l-films dwarhom. Madankollu, Mulan hi mara, b’rieda tal-azzar u nobbli, li lesta li tħares lill-missierha li kien anzjan ħafna biex imur jiġġieled, taħbi s-sess tagħha u tagħmilha ta’ maskili, tiġġieled biex tħares lill-pajjiżha u meta riedu jkeċċuha mill-armata, għax kienet mara, xorta tibqa’ il-mara onesta, responsabbli u patrijotta li tiddefendi lill-Impertaur u lil niesha. U meta l-Imperatur joffrilha unur imperjali, l-ewwel ħsieb tagħha ma kienx fil-glorja personali, imma li tmur lura fil-komunità fqira fejn twieldet u trabbiet u titlob maħfra lill-missierha talli ma obditux u serqitlu x-xabla li tant kienet għall-qalbu.

“Mulan” (PG) mhux bħal “The Lion King” li rajna f’Lulju tas-sena l-oħra, fis-sens li l-verżjoni moderna kienet minn ħafna aspetti remake tal-film animat li konna rajna fl-1994.  Dan għax “Mulan” il-ġdid mhux remake tal-film animat li rajna fl-1998. “Mulan” il-ġdid hu ferm aktar robust fl-immaġinazzjoni u sa ċertu punt anke iġegħlna naraw minn angolu differenti l-karattru ta’ Mulan, minkejja li l-bażi ta’ din il-leġġenda tibqa’ l-istess waħda.  Appuntu l-film jibda billi missierha Zhou (Tzi Ma) jgħidilna “There have been many tales of the great warrior Mulan, but this one is mine.” Il-leġġenda ta’ Hua Mulan ġejja minn żmien is-sitt seklu wara Kristu.   

Kif diġa rrimarkajt, fl-ewwel siegħa tal-film naraw l-iżvilupp tal-karattri ewlenin u taċ-ċirkostanzi li jwasslu biex Mulan (Yifei Liu) issir l-eroj tal-imperu.  Mulan tkun tfajla fuq tagħha, ma tantx hi waħda moħħha fiż-żwieġ imma minn ċkunita turi ħila eċċezzjonali għall-arti marzjali. Iffaċċjat b’theddida ta’ invażjoni, l-Imperatur (Jet Li) jordna li kull familja għandha tipprovdi raġel sabiex jiġġieled lill-gwerrier mistmerr Böri Khan (Jason Scott Lee).  Il-missier Zhou li kien kbir fl-età u ferut minn meta ġġieled f’battalja preċidenti, joffri li jmur hu għall-gwerra billi hu kellu żewġt ibniet biss fil-familja. Mulan taħsibha mod ieħor u fis-satra tal-lejl, tisraq ix-xabla meqjuma ta’ missierha, taħbi l-fatt li kient mara u tmur sabiex tissieħeb fl-armata imperjali.

Għalkemm Mulan mhux xi Prinċipessa li qegħda tfittex Prinċep, l-iscreenplay tipprovdilna ftit interess ‘romantiku’ meta dak li fil-bidu jkun ir-rival tagħha, Honghui (Yoson An), jibda jissuspetta xi ħaġa moħbija hemm dwar din il-persuna. Ankle l-Kmandant Tung (Donnie Yen) jidħlulu suspetti.

Fil-bidu tat-tieni nofs għandna l-ewwel battalja kbira u spettakolari. Kontra l-qawwa ta’ Böri Khan, l-armata imperjali tkun tidher destinata li ġġarrab telfa kbira. Imma l-kuraġġ jegħleb fuq il-biża’ u Mulan waħedha ġġib sitwazzjoni fejn almenu ħafna minn sħabha setgħu jibqagħu ħajjin. Imma fil-frattemp, Mulan issib ruħha wiċċ imb wiċċ mas-saħħara Xianniang (Gong Li) – karattru ivvintat għall-film.  Għalkemm għadu u b’intenzjoniet qerrieda, Xianniang tittrasforma lil Mulan b’dak li tgħidilha. Meta tmur lura biex tingħaqad mal-armata imperjali, Mulan tniżżel xagħarha u turi li hi mara. Għall-bidu dan kien ser iġibilha għawġ meta ffaċċjata mill-Kmandant Tung. Imma meta is-suldati l-oħra kollha jissapportjawha fuq inizjattiva ta’ Honghui, Mulan tingħata d-dritt li tmexxi missjoni ħalli ssalva l-Imperatur.

Fost l-aktar affarijiet li jispikkaw f’dan il-film hemm il-kuluri tal-ilbies u s-sbuħija naturali tal-pajsaġġ Ċiniż.  Imma hemm ukoll il-korjografija tal-ġlied li ċ-Ċiniżi jsejħulha ‘wuxia’. Rajniha b’perfezzjoni f’“Crouching Tiger, Hidden Dragon” li hawn Malta kien ħareġ f’April, 2001. Jekk mhux sejjer żball, minn dak in-nhar sal-lum, dan hu l-ewwel blockbuster Amerikan ġej minn studio ewlieni li qed jerġa jippreżentalna din it-tip ta’ arti marzjali.

Share With: