Opportunità għal estensjoni ta’ ċens temporanju fuq ċnus kummerċjali li se jiskadu sal-31 ta’ Awwissu 2025

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari  għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius ħabbru avviż legali li se jkun qed jagħti opportunità biex  dawk li għandhom ċens kummerċjali mal-Awtorità tal-Artijiet jew mal-Uffiċċju Konġunt li se jiskadi  sal-31 ta’ Awwissu 2025, ikunu jistgħu japplikaw għal estensjoni ta’ 65 sena fuq l-istess ċens. L-applikanti interessati jridu jagħtu prova ta’ attività kummerċjali li se tagħti valur miżjud lill-art fis-snin li ġejjin.  

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-kummerċ huwa parti essenzjali mis-sinsla tal-ekonomija tagħna. Il-gvern  impenjat li jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu biex in-negozjanti tagħna jkomplu jiksbu s-suċċess mill investimenti li jkunu għamlu matul is-snin, filwaqt li jkomplu jdawru r-rota tal-ekonomija. Fuq  kollox, aħna determinati li naraw li l-art pubblika tkun qed tintuża bl-aħjar mod possibbli u għalhekk  irridu nqanqlu l-interess biex min jopera fis-settur kummerċjali jara li bi kreattività jfittex modi kif  iżid il-valur tal-attivitajiet tiegħu. Se nkomplu naħdmu biex insostnu lill-ħaddiema, lin-negozji u lill ekonomija tagħna għall-ġid komuni.”  

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li permezz ta’ dan l-avviż legali ser ikunu qed jibbenefikaw persuni fil-kummerċ kif ukoll kumpaniji li ser ikunu qed iressqu proġetti kummerċjali  ġodda. Semma li għaldaqstant l-individwu jew il-kumpaniji li ser ivaraw dawn il-proġetti ġodda ser  ikollhom serħan il-moħħ li l-post minn fejn ser ikunu qed joperaw dawn il-proġetti ser jingħata  b’konċessjoni ġdida ta’ ċens ekwivalenti għal 65 sena.  

Qal li fin-nuqqas tas-sid oriġinali, dan l-avviż jagħti l-possibilità sabiex l-eredi li kompla jmexxi l kummerċ jista’ jibbenefika minn din l-estensjoni tal-konċessjoni. Qal ukoll li f’każ li l-kummerċ ġie  mgħoddi lil terz, fi stanzi bħal tal-good will, dan it-terz ser ikollu wkoll il-possibilità li japplika taħt  din l-iskema. Chris Agius ikkonkluda billi qal li dan l-avviż legali ser jagħmel differenza kbira fil ħajja tan-nies fil-kummerċ filwaqt li ħeġġeġ lin-nies f’dan is-settur sabiex jużaw il-pjattaforma tal Awtorità tal-Artijiet sabiex jiksbu aktar informazzjoni dwar dan l-avviż legali. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo qal li dan il-pass huwa fl-ogħla interess tal awtorità, li hija responsabbli mill-aħjar amministrazzjoni tal-proprjetajiet kollha tal-gvern. Dan  apparti li permezz ta’ din l-opportunità qed tiżdied il-fiduċja fin-negozji Maltin u Għawdxin, u  qiegħda wkoll tipprevedi l-proprjetajiet tal-gvern milli jitħallew jiddeterjoraw.

L-applikazzjonijiet jistgħu jibdew jintlaqgħu onlajn mill-5 ta’ Ottubru 2020

Share With: