Partitarji Ingliżi viċin li jirritornaw fl-istadia

Il-partitarji Ingliżi huma viċin li jirritornaw isegwu l-avvenimenti sportivi sa mix-xahar li ġej mill-istadia minkejja li l-pandemija tal-Covid-19 reġgħet refgħet rasha madwar l-Ingilterra. 

Skond ittra li ġiet iffirmata mill-membru parlamentari Nigel Huddleston, intqal li l-partitarji Ingliżi se jkunu jistgħu jidħlu fl-istadia prinċipali tal-pajjiż kif ukoll faċilitajiet sportivi oħra f’numru limitat sa mill-1 ta’ Ottubru li ġej. Din l-ittra ġiet riferuta wkoll lill-Ministru tal-Isport, Tracey Crouch, li kkonfermat dan kollu.  

Minkejja kollox, Huddleston wissa li dan il-pjan li qed jiġi mfassal jiddependi fuq numru ta’ fatturi. Huma qed jaraw is-suċċess ta’ proġetti pilota li saru fil-passat u li rriżultaw pożittivi ħafna.  

Dan kollu kien qed iseħħ fl-isfond ta’ każ li ġara ftit tal-jiem ilu meta fl-imsemmi proġett pilota xi partitarji ta’ Cambridge u Carlisle ma tħallewx jidħlu għal-logħba ta’ League Two minħabba żieda fl-R Factor f’dik il-ġurnata.  

Madankollu Huddleston qal li l-għan tagħhom hu li jerġgħu jaraw il-partitarji fil-grounds rispettivi għalkemm kollox għandu jsir b’kawtela kbira.  

Sadanittant il-proġett pilota għandu jkompli sal-aħħar ta’ dan ix-xahar fejn qed jitħallew jidħlu sa massimu ta’ elf spettatur.  

Huddleston kompla jgħid li sar progress kbir f’dan il-proġett u se jibqgħu jistudjaw aktar possibbiltajiet sabiex sport ieħor ikun  jista’ jiftaħ il-bibien tiegħu wkoll.  

Finalment se jkun hemm evalwazzjoni ta’ dak kollu li sar fl-aħħar ta’ dan ix-xahar biex jittieħdu d-deċiżjonijiet finali fejn l-għan hu li l-ispettaturi jidħlu jaraw lit-team favorit tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-distanza soċjali u jkun hemm il-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha neċessarji.  

Fost l-avvenimenti sportivi li kienu parti minn dan il-proġett pilota kien hemm avventimenti tas-snooker, cricket u logħba ta’ ħbiberija li kienu involuti fiha Brighton and Hove Albion.  

Sadanittant l-Assoċjazzjoni tal-Football Ingliża faħħret dawn il-miżuri li se jittieħdu u esprimiet ix-xewqa li l-ewwel pass biex kollox jirritorna għan-normal qed jibda jseħħ. 

Share With: