Pass ieħor għal Servizz ta’ Trasport fuq il-Baħar

Transport Malta għadha kemm issottomettiet ir-risposta tagħha quddiem il-Public Contracts Review Board, wara li fi stadju pre-kontrattwali tqanqlet oġġezzjoni minn kumpanija partikolari fuq il-kuntratt ta’ konċessjoni biex kemm f’Malta u kemm f’Għawdex ikun hawn ferry service b’ħinijiet skedati.

L-istess kumpanija li qanqlet din l-oġġezzoni m’użatx iż-żmien dettat bil-liġi li fih jistgħu jintalbu kwalunkwe kjarifiċi. Minflok, għażlet li tipprova twaqqaf il-kuntratt, mingħajr qatt talbet kjarifiċi fuq punti li qed jiġu mqanqla issa u setgħu jiġu spjegati faċilment qabel.

Din il-konċessjoni tirrispetta l-liġijiet kollha Ewropej filwaqt li żżomm is-servizz ta’ ferry service bil-baħar f’ħinijiet skedati, wieħed li hu fattibbli u kompetittiv, b’dan ifisser li l-investiment li se jibbenifika minnu l-poplu Malti u Għawdxi se jsir kollu mill-Privat.

Dan il-proġett għall-ewwel darba jimponi wkoll eco-vessels fuq il-baħar li ma jagħmlux dannu fuq l-ambjent, b’emissjonijiet ta’ CO2 minimi.

Malli jitlesta dan il-proġett ambizzjuż, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin, il-pubbliku se jibbenefika minn trasport fuq il-baħar ukoll f’ħinijiet fissi, biex kulħadd ikun jista’ jippjana minn qabel kif irid jasal minn post għall-ieħor, sew jekk mhux bi trasport pubbiku fuq l-art jew inkella bi trasport pubbliku bil-baħar.

Filwaqt li dan il-proġett se jipproġetta t-triq għall-futur tat-trasport pubbliku, se jżomm mal-miri ambjentali imposti mill-Gvern.

Dan apparti li dan il-proġett hu parti wkoll minn pjan ħolistiku biex titnaqqas il-problema tat-traffiku.

Għalhekk Transport Malta se tibqa’ tipproteġi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi f’kull stadju ta’ dan il-proġett ambizzjuż u tħares ’il quddiem biex la jgħaddi dan l-istadju, jinħareġ it-tender biex mill-aktar fis possibbli dan is-servizz jibda jintuża minn kulħadd u jiġi offrut bħala alternativa oħra ta’ trasport modern effiċjenti li jkompli jnaqqas it-traffiku u t-tniġġis f’pajjiżna.

Share With: