Phil Foden u Mason Greenwood jitkeċċew mill-iskwadra Ingliża

Iż-żgħażagħ li jilagħbu fit-team nazzjonali Ingliż Phil Foden u Mason Greenwood mhux se jivvjaġġaw ma’ sħabhom lejn id-Danimarka wara li ġie ppubblikat filmat tagħhom idaħħlu tfajliet fil-lukanda li fiha kien alloġġat it-team fl-Islanda.

Dawn iż-żewġ players għamlu d-debutt internazzjonali mat-team tal-kbar fir-rebħa kontra l-Islanda nhar is-Sibt li għadda iżda issa dan kollu ingħata l-ġenb wara din l-irresponsabbiltá tagħhom.

Il-players ingħataw linji-gwida stretti biex jassiguraw sigurtá marbuta mal-Covid-19 u l-filmati juru biċ-ċar lil Foden u Greenwood ma segwewx dawn il-protokolli.

L-imġieba ta’ dawn il-players marret ukoll kontra r-regolamenti ta’ imġieba tal-FA Ingliża waqt li l-players ikunu fuq impenn internazzjonali.

Fil-filmat qasir li ġie ppubblikat, Foden u Greenwood, jidhru lebsin il-kit il-ġdid tat-taħriġ tal-Ingilterra u issa huma daħlu fl-inkwiet mal-amministrazzjoni tat-team nazzjonali Ingliż.

F’intervista ma’ stazzjon fl-Islanda, waħda mit-tfajliet qalet li ma kellhomx idea rigward dawn ir-regolamenti marbuta mal-Covid-19 u li l-players qatt ma nfurmawhom li ma setgħux jieħdu ritratti flimkien.

Tfajla oħra saħqet li kienet infurmat lill-players tal-Ingilterra li l-ritratti kienu ġew ippubblikati fuq il-media soċjali.

Hija qalet ukoll li hija kienet f’relazzjoni ma’ wieħed mill-players għal ftit jiem mingħajr ma tat aktar dettalji.

Foden għandu tifel ta’ sentejn u tfajla li ilu magħha diversi snin, waqt li l-istilla ta’ Man Utd Greenwood temm relazzjoni ma’ mudella lura f’Mejju li għadda.

Il-midfielder ta’ Manchester City, Foden, beda fil-formazzjoni inizjali kontra l-Islanda, fejn b’hekk għamel id-debutt internazzjonali tiegħu mat-team tal-kbar, waqt li Greenwood daħal bħala sostitut biex b’hekk iddebutta wkoll mat-Three Lions.

Share With: