Pierre-Emerick Aubameyang iġedded il-kuntratt ma’ Arsenal sal-2023

Pierre-Emerick Aubameyang iffirma kuntratt ġdid ma’ Arsenal b’dan żgur li se jkun qed jgħolli l-moral tal-manager Mikel Arteta fil-proġett tiegħu ta’ ristrutturar tal-club.

Il-player ta’ 31 sena ffirma sal-2023 fejn se jkollu salarju inizjali ta’ £250,000 fil-ġimgħa iżda bonuses inklużi fil-kuntratt jistgħu jagħmlu l-istess salarju ta’ £350,000 li preżentament għandu Mesut Ozil.

Wara li ffirma dan il-kuntrat Aubameyang qal: “Ninsab ferm kuntent. Din hija dari. Irrid insir leġġenda ta’ Arsenal u nħalli legat warajja. Huwa ż-żmien li fih irrid naħdem qatigħ iżda żgur li se nkun qed nagħti l-aħjar tiegħi, bħal dejjem.”

“Li niffirma għal dan il-club speċjali qatt ma kien f’dubju. Huwa grazzi għall-partitarji tagħna, sħabi l-players, il-familja tiegħi u kulħadd f’dan il-club fejn inħoss li hawnhekk hija dari. Nemmen fil-proġett ta’ Arsenal. Nistgħu niksbu l-unuri flimkien, għandna proġett eċċitanti u nemmen li l-aqwa żmien għadu ġej għal Arsenal.”

Arsenal xandru filmat ta’ Aubameyang fuq il-pitch tal-Emirates Stadium biex jikkonfermaw din l-aħbar fejn kien preżenti wkoll l-attakkant leġġendarju Ian Wright li min-naħa tiegħu rringrazzja lil Aubameyang li ffirma kuntratt ġdid mal-Gunners fejn kompla li players oħra ħallew lil Arsenal fil-passat, iżda huwa baqa’ mal-club meta dan l-aktar li kellu bżonnu.

Aubameyang ingħaqad ma’ Arsenal f’Jannar tal-2018 għal somma ta’ £56 miljun mingħand Borussia Dortmund u skorja xejn inqas minn 72 goal f’112-il partita bil-flokk tal-Gunners.

Share With: