Premier: Draw ġust bejn Mosta u Gudja United

Minn Cristian Muscat   –  Ritratt: Domnic Borg

Mosta……………….2

Gudja U…………….2

Il-konfront bejn Mosta u Gudja United kien wieħed bilanċjat biex ġustament intemm fi draw ta’ 2-2.

Din il-partita laħqet il-qofol tagħha wara l-mistrieħ biż-żewġ timijiet ikollhom il-mumenti tagħhom fejn baqgħet inċerta sal-aħħar.

Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu fl-20 minuta u mill-ewwel fetħu l-iskor meta d-debuttant Taljan KEVIN TULIMIERI spara xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li ħasad għal kollox lill-goalkeeper tal-Gudjani, Glenn Zammit,

Mosta komplew jippersistu u erba’ minuti wara resqu viċin li  jirduppjaw  meta d-difiża ta’ Gudja naqset li tikklerja cross minn fuq il-lemin,  bil-ballun jintemm għand Chris Ememe li ra x-xutt tiegħu jiġi mxellef f’corner mid-difiża avversarja.

Gudja wieġbu fis-26 minuta meta Gabriel Mensah kellu xutt mid-distanza jiġi salvat mill-goalkeeper mill-Gambja ta’ Mosta, Stephane Bitseki Yves Moto.

Fit-33 minuta, Mosta reġgħu kienu insidjużi meta Fabrice Watson serva lill-Brażiljan Nixon li kellu x-xutt tiegħu salvat minn Glenn Zammit.

It-tieni taqsima pattiet għan-nuqqas ta’ emozzjonijiet ta’ qabel il-mistrieħ fejn mill-ewwel uriet li kienet se żżid fir-ritmu tagħhom …. meta fis-47 minuta, Gudja United rebħu penalty meta Rafael Morisco waqqa’ lil YURI DE JESUS MESSIAS fil-kaxxa. Mill-11-il l-istess player Brażiljan ma żbaljax hekk kif tefa’ l-ballun naħa u lil Yves Moto n-naħa l-oħra.

Mosta wettqu reazzjoni tajba u żewġ minuti wara, freekick ta’ Rafael Morisco għadda barra. F’botta u risposta mill-azzjoni li segwiet, fuq in-naħa l-oħra tal-pitch Patrick Silva Mota għall-Gudjani kellu xutt sabiħ li ntemm barra.

Mosta wieġbu fit-63 minuta u reġgħu marru fil-vantaġġ meta wara li rċieva l-ballun minn azzjoni ta’ corner, RAFAEL MORISCO, għola tajjeb meta antiċipa difensur ta’ Gudja, u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin, tefa’ l-ballun fix-xibka.

Iżda Gudja baqgħu jirsistu u erba’ minuti wara, rebħu penalty ieħor meta wara li Gabriel Mensah twaqqa’ fil-kaxxa minn Clayton Failla, reġa’ kien YURI DE JESUS MESSIAS li skorja mill-11-il metru.

Ħames minuti mit-tmiem, Gudja kellhom ċans  li jiskorjaw il-goal tar-rebħa, meta Gabriel Mensah ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Yves Moto iżda inkredibbilment xeħet barra.

Mosta – 12-Stephane Bitseki Yves Moto, 5-Dejan Debono, 8-Christ Evo Ememe, 9-Nixon Darlanio Reis Cardoso (77-Zachary Brincat 54) (15-Larens Vella 59), 13-Clayton Failla, 16-Gianluca Sciberras, 18-Fabrice Hounkpe Watson (11-Duane Bonnici 54), 22-Tyrone Farrugia, 34-Rafael Morisco, 86-Bojan Kaljevic, 92-Kevin Tulimieri (14-Matthew Attard 85) Coach: Davor Filipovic

Gudja U.: 1-Glenn Zammit, 5-Yuri De Jesus Messias, 7-Aidan Jake Friggieri, 10-Llywelyn Cremona, 11-Gabriel Mensah (9-Tensior Gusman 86), 17-Imanol Gonzalez Benac, 22-Hubert Vella, 24-Goran Adamovic, 25-Juan Andres Bolanos, 27-Justin Grioli (18-James Brincat 82), 81-Patrick Silva Mota Coach: Jesmond Zammit

Referee: Mathhew De Gabriele

Ass. Referees: Jurgen Spiteri, Darko Stankovic

Raba’ Uffiċjal: Andrea Sciriha

Skorers: K. Tulimieri 20, R. Morisco 64 (M), Y. De Jesus Messias pen. 47, 69 (G)

Ammoniti: J. Grioli, G. Mensah, I. Gonzalez, G. Adamovic (G), K. Tulimieri, C. Failla, B. Kaljevic (M)

Player tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (G)

Share With: