“Proġett bħal dan ifakkarna fid-dmir li nieħdu ħsieb il-wirt reliġjuż ta’ Malta”

Inawgurat ir-restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan, b’investiment ta’ €122,000

L-Isqof Awżiljari Joseph Galea-Curmi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawguraw proġett ta’ ristawr li seħħ fuq il-bini tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan, liema proġett sewa ftit aktar minn €122,000.

Il-proġett kien iffinanzjat mill-imsemmija Arċidjoċesi, flimkien ma’ ammont ta’ fondi Ewropej, u kien jinkludi fost l-oħrajn restawr fuq il-ħitan tas-sagristija minn barra, ir-restawr tal-kampnar, kif ukoll il-kappellun tal-Kurċifiss. Sar ukoll xogħol ta’ tindif mal-ħitan ta’ barra, kif ukoll tindif tal-ġebla mit-tnaġġis tal-arja.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-proġett jifforma parti minn grupp ta’ proġetti simili madwar Malta u Għawdex, bil-għan “li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. Dan il-proġett ibbenefika mill-infiq ta’ €4 miljun b’fondi Ewropej twettqu, u qegħdin jitwettqu numru ta’ interventi fuq diversi knejjes, kappelli, flimkien ma’ artefatti li lkoll għandhom valur kulturali li jixraq li jkunu ppreservati u mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

“Dawn l-interventi ma jservux biss biex inħarsu l-wirt għani li ħallew missirijietna, iżda jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku peress li dan il-patrimonji jservi bħala attrazzjoni addizzjonali f’diversi bliet u rħula għal kull min imur iżur lil pajjiżna.”

Intant, l-Isqof Joseph Galea Curmi saħaq li dan il-proġett “ifakkarna fid-dmir tagħna li nieħdu ħsieb il-wirt reliġjuż, artisitku u kulturali, dmir li l-Knisja f’Malta qegħda tagħmel b’responsabbilita kbira. Din il-knisja hija ġawhra tal-patrimonju Malti, u rridu nieħdu ħsiebha biex tkompli tkun post sabiħ fuq il-poplu jħossu milqugħ, maħbub u megħjun.”

Share With: