“Qed nagħmlu dak kollu possibbli biex l-iskejjel jiftħu b’mod sigur”

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jisħaq li huwa importantissimu għall-ħajja tat-tfal tagħna li t-tagħlim jibqa’ għaddej

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex l-iskejjel jiftħu b’mod sigur. Dan għaliex, jisħaq li huwa importanti ferm għall-ħajja tat-tfal li t-tagħlim jibqa’ għaddej, għaliex b’nuqqas ta’ edukazzjoni formali, il-konsegwenza fuq ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal u żgħażagħ tista’ tkun kbira.

Huwa qal dan meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti f’konferenza fejn tnediet App bl-isem ta’ ‘Covid Alert Malta’ li se tkun qed issaħħaħ fil-contact tracing u tavża’ lill-persuna f’każ li tiġi esposta għall-Coronavirus.

“Meta wieħed jikkunsidra l-ħajja qasira tat-tfulija u kemm f’dak il-perjodu jitgħallem, anke f’sena waħda, li jkollna ġenerazzjoni sħiħa li mhix tattendi skola jkollha konsegwenzi,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa sostna li bħala Dipartiment qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jagħtu sapport lill-edukaturi u l-għalliema nfushom biex l-iskejjel jiftħu b’mod sigur għas-saħħa tat-tfal u tal-komunità.

Bosta ġenituri li tkellmu fuq il-midja soċjali jisħqu li l-iskola hija l-aqwa post fejn jistgħu jitgħallmu t-tfal u li jekk ma jmorrux jista’ jkun hemm konsegwenzi oħra fosthom fuq is-saħħa mentali tat-tfal. Minkejja dan, hemm għadd ta’ ġenituri oħra li jinsabu mħassba minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna. Iż-żewġ unions tal-għalliema qed jitolbu l-posponimenet tal-ftuħ tal-iskejjel.

F’dawn l-aħħar jiem, l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu l-linji gwida ta’ kif għandhom joperaw l-iskejjel fejn fost il-linji gwida għall-istituzzjonijiet postsekondarji, ġie ssuġġerit li jsir tagħlim online jew li jkun hemm taħlita ta’ tagħlim online u fil-klassi.

Share With: