Raġel ieħor illiberat wara li martu ma riditx tixhed

Mqabbi ta’ 40 sena ma nstabx ħati li refa jdejh fuq martu f’darhom wara li din għażlet li ma tixhidx u b’hekk il-maġistrat li quddiemha nstemgħet il-kawża ma kellhiex triq oħra ħlief li tilliberah.

Dan kien każ ieħor fejn wara li l-Aġenzija Appoġġ studjat il-każ u l-Pulizija ressqet lill-allegat aggressur ir-raġel ma nstabx ħati għax il-mara ma riditx tixhed kontrih kif għandha dritt li tagħmel.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità ta’ martu, kien akkużat li fid-9 ta’ Marzu li għadda ikkaġunalha ġrieħi ħfief, beżżagħha, heddidha u taha fastidju.

Kien fl-istess jum li l-mara marret tagħmel rapport l-għassa taż-Żurrieq fejn sostniet li żewġha kien aggrediha u li din ma kinitx l-ewwel darba li kellhom argumenti bejniethom.

Wara li l-Aġġoġġ għamlet ir-‘risk assessment’ u sabet li dan kien għoli l-Pulizija arrestat lir-raġel u ressqitu fil-Qorti għalkemm fl-ewwel seduta meta kellhom jibda jinstemgħu l-provi martu qalet li ma riditx tixhed.

Il-mara stqarret li żewġha wegħdha li jieħu t-trattament neċessarju, inkluż li jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, iex ir-relazzjoni tittranġa.

Għalkemm il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wissitha li jekk ma tixhidx ma kienx se jkun hemm provi biżżejjed biex ir-raġel jinstab ħati l-mara baqgħet tinsisti li ma riditx tixhed u kien għalhekk li ġie illiberat.

Share With: