Ronald Koeman irid lil Mohamed Salah ma’ Barcelona

Il-coach il-ġdid ta’ Barcelona, Ronald Koeman, jixtieq lill-attakkant Eġizzjan Mohamed Salah tant li għarraf lid-diriġenti tiegħu sabiex imorru għalih f’dak li l-ġurnali Ingliżi ddeskrivewh bħala “The Blockbuster Signing”. Skond l-aġent Sjaak Swart, Salah huwa wkoll ħerqan sabiex imur jilgħab fin-Nou Camp għalkemm naqas li jagħti aktar dettalji f’dan ir-rigward.

Il-player Eġizzjan kellu bidu mill-aqwa għal dan l-istaġun meta skorja hat-trick u kien strumentali fir-rebħa drammatika u diffiċli ta’ 4-3 kontra Leeds United.

Jidher li l-ġranet tal-player f’Anfield jistgħu jkunu magħduda hekk kif l-ogħla awtoritajiet Katalani se jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jagħmlu dan it-trasferiment wieħed reali. Dan kollu l-interess jista’ jsir realta’ minħabba li l-Blaugrana temmew staġun mill-aktar diżappuntanti fejn naqsu milli jirbħu trofew wara 12-il sena fejn dejjem rebħu unur.

L-ex player ta’ Ajax, Swart, li jirrappreżenta wkoll lill-aħħar akkwist li għamlu Manchester United Donny Van Beek, huwa ħabib kbir ta’ Koeman u kkonferma li diġá kellu kuntatti mad-diriġenti Katalani dwar dan it-trasferiment eventwali iżda fl-istess ħin drammatiku.

Swart  qal li Ronald Koeman diġá kellmu u esprima xewqa kbira li jrid lil Salah bil-player jixtieq jibda avventura ġdida fil-La Liga Spanjola. 

Sadanittant f’aktar aħbarijiet oħra relatati mal-football Ingliż u s-suq tat-trasferimenti, sar magħruf li l-ex president ta’ Bayern Munich, Uli Hoeness, huwa konxju li l-ġranet ta’ Thiago Alcantara mat-team mill-Bavarja huma magħduda wkoll. Dan minħabba l-fatt li qed ifittex trasferiment lejn il-kampjonat Premier Ingliż fejn Manchester United u Liverpool jinsabu interessati fis-servizzi tiegħu.

Hoeness ammetta li din hi sitwazzjoni ferm diffiċli meta tqis li ftit taż-żmien ilu t-team kellu ftehim mal-player sabiex iġedded il-kuntratt tiegħu għal erba’ snin oħra. Minkejja kollox, se tkun ir-rieda tal-player u l-aġent tiegħu li jiddeterminaw x’se jkun il-pass li jmiss.

Finalment, il-coach ta’ Liverpool Jurgen Klopp huwa ferm viċin li jiffirma t-tieni player tiegħu għal dan l-istaġun. Wara li kisbu l-firma ta’ Kostas Tsimikas, jidher li t-talent żagħżugħ Marcelo Pitaluga huwa lest li jitlaq lil Fluminense sabiex jingħaqad mar-Reds. Pitaluga huwa gowlkiper promettenti u jiswa biss £1.8miljun. 

Share With: