Sbuħija u eleganza Maltija fl-Univers

Minn Cristian Muscat

Anthea Zammit – ir-rebbieħa tal-ħames edizzjoni tal-konkors Miss Universe Malta. Hija kienet qed tirrappreżenta l-lokalità ta’ Żebbuġ. Hija se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fid-69 edizzjoni tal-konkors internazzjonali Miss Universe ġewwa l-Istati Uniti s-sena d-dieħla.

Anthea mhux wiċċ ġdid fil-qasam tal-ispettaklu u fl-2015 kienet irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Young Dancers filwaqt li fl-2017 kienet iż-żeffiena li akkumpanjat lil Christabelle Borg fil-Eurovision għall-wirja tal-kanzunetta Taboo.

Anthea kkompetiet ukoll f’konkorsi internazzjonali oħra ta’ sbuħija: Miss World fis-sena 2016 u f’Miss Supranational fl-2017.

X’kienu l-emozzjonijiet tiegħek wara li sirt taf li rbaħt il-konkors ta’ Miss Universe Malta?

Fil-verità ma kellix kliem xi nlissen għax ma stajtx nemmen. Kienet esperjenza mill-isbaħ li ħdimt għaliha u li ħadt l-aqwa minnha. Ninsab kuntenta li pparteċipajt f’dan il-konkors għax għamilt ħbieb ġodda. It-tfajliet kollha li ħadu sehem kellhom karattru mill-isbaħ. Sirna ħbieb mill-aqwa u nammetti li se nkun qed inħoss in-nuqqas tagħhom. 

Fuq nota oħra ma tantx kienet daqshekk atmosfera sabiħa mingħajr udjenza għalkemm konna qed nidhru fuq it-televiżjoni. Minkejja kollox dan kollu sar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk dan kollu kien meħtieġ. 

Int ikkompetejt f’isem Ħaż-Żebbuġ li inċidentalment hu raħal twelidek. X’ifisser għalik dan il-post?

Ħaż-Żebbuġ ifisser ħafna għalija. Minn dejjem kont inħobb lil raħal twelidi. Inħoss li hu d-dmir tiegħi li nirrappreżenta raħal twelidi bl-aqwa mod possibbli filwaqt li nara li ismu jkun dejjem fil-għoli.

Jien inħares lejn sbuħija totali mhux biss esterjuri iżda wkoll interjuri. Kulħadd ikollu d-difetti tiegħu. Madankollu kulħadd għandu s-sabiħ fil-karattru tiegħu. Is-sbuħija titlaq maż-żmien iżda l-karattru hemm jibqa’.

Din ma kinitx l-ewwel esperjenza tiegħek f’dan il-palk minħabba li kont diġa’ ħadt sehem b’suċċess f’Miss World 2016. X’tiftakar minn dik l-esperjenza?

Il-konkorsi ta’ Miss World u Miss Universe huma kompletament differenti. Li nista’ ngħid li huma kompetizzjonijiet kbar li fihom japplikaw ħafna tfajliet. Dawn l-esperjenzi kollha immaturawni sabiex inkun Anthea Zammit li jien illum. 

Niftakar li bħal Miss Universe anke f’Miss World kelli eċitament kbar. Fl-aħħar mill-aħħar anke hemm tajt l-impenn tiegħi u ġara x’ġara xorta waħda nkun sodisfatta ġaladarba nkun ħdimt għaliha. 

X’tiftakar mill-esperjenza li kellek fil-Eurovision of Dancers?

Apparti l-isport, għandi għal qalbi ż-żfin. Kelli ċ-ċans li nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision of Dancers. Kienet is-sena 2015 u niftakar li ħadt sehem fir-Repubblika Ċeka bid-diska Ticrita. Kienet esperjenza li biddlitni ħafna bħala karattru. 

Irrid inkompli nirsisti għax nixtieq inkompli nispeċjalizza f’dan is-settur. 

Tħoss li hawn kuxjenza rigward il-kwistjoni tal-immigranti irregolari?

L-ewwel u qabel kollox nista’ ngħid li l-poplu Malti hu kbir fil-karattru tiegħu. Nifhem li hawn min hu inkwetat bil-popolazzjoni ta’ barranin li qed tiżdied. Madankollu nemmen li dawn in-nies għandhom dritt li jgħixu ħajja ‘l bogħod mill-periklu. Naħseb kulħadd jaqbel li ma nistgħux inħalluhom imutu f’nofs ta’ baħar. 

Taħseb li għad fadal inugwaljanza bejn is-sessi?

Din hi mistoqsija xi ftit antipatika. Madankollu jekk irrid inkun sinċiera, b’xorti ħażina għad hawn każijiet li teżisti inugwaljanza bejn is-sessi. Dan kollu ssibu f’ċerti postijiet tax-xogħol u xi kultant għad hawn differenza fil-pagi. Anke fejn għandu x’jaqsam postijiet għoljin, għad jonqos ħafna x’naħdmu sabiex verament ikollna aktar ugwaljanza. 

Int qed tistudja l-liġi. Kemm taħseb li huma importanti d-drittijiet tal-bniedem?

Iva qed nistudja l-liġi u ninsab fit-tieni sena tal-kors fl-Universita’ ta’ Malta. Nemmen li kull bniedem għandu jkollu d-drittjiet tiegħu. Mingħajr dawn il-jeddijiet, il-bniedem ma jkunx komplut. Kulħadd irid li jiġi rispettat irrispettivament mid-differenzi li jista’ jkollna. Xi kultant dawn id-differenzi joħloqhom il-bniedem stess.

Int tgħallem ukoll iż-żfin. X’inhu s-sodisfazzjon li tħoss meta tara l-istudenti tiegħek jirnexxu?

Jien inħoss sodisfazzjon kbir meta nara l-istudenti tiegħi jirnexxu. Dejjem ngħid lit-tifel jew lit-tifla partikolari li jekk trid tirnexxi trid taħdem qatigħ. Dak kollu li għaddejt minnu jien qed nipprova ngħaddih lit-tfal li ngħallem. Nieħu gost ukoll meta narahom jaslu u t-tbissima tagħhom tixhed li verament ikunu kuntenti li waslu fejn xtaqu. Kelli x-xorti riċentement li għallimt xi tfal b’diżabbilta’ u emminni nieħu gost nara dik it-tbissima innoċenti ta’ sodisfazzjon għax ikunu rnexxew f’dak li xtaqu. 

Kif tarak minn hawn u għaxar snin oħra?

Nittama li sa għaxar snin oħra nkun gradwata u nipprattika l-professjoni ta’ avukata. Nixtieq ukoll li jkolli familja. Forsi ħolma oħra li nixtieqha sseħħ għalkemm mhux bilfors hi li niftaħ skola taż-żfin. 

Taqbel miegħi li s-sbuħija fil-persuna mhux kollox?

Naqbel u kif! Jien inħares lejn sbuħija totali mhux biss esterjuri iżda wkoll interjuri. Kulħadd ikollu d-difetti tiegħu. Madankollu kulħadd għandu s-sabiħ fil-karattru tiegħu. Is-sbuħija titlaq maż-żmien iżda l-karattru hemm jibqa’.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li jixtiequ jidħlu fid-dinja tas-sbuħija u li forsi qed jaqtgħu xi ftit qalbhom.

L-ewwel u qabel kollox qatt m’għandek taqta’ qalbek minn xi ħaġa. Jekk int taħdem għall-oġġett m’hemmx minn xiex tibża’. Jien, bħala Anthea Zammit, għaddejt minn esperjenzi partikolari li mmaturawni għal li jien illum. Ħdimt u għelibt diversi biżgħat u l-istess jistgħu jagħmlu dawn it-tfajliet li jridu jemmnu dejjem aktar fil-potenzjal tagħhom. 

Għalhekk ngħidilhom sabiex jaħdmu għal dak li jixtiequ sabiex imbagħad ikollhom is-sodisfazzjon meħtieġ. 

Share With: