Raġel jirrapporta serqa li għamel hu stess

Ħamruniż ta’ 36 sena li seraq minn dar mar f’għassa biex jirrapporta dak li kien għamel.

Nicholai Azzopardi, li kellu jidher għalih lill-Avukat Noel Bartolo, ammetta li fl-10 ta’ Settembru li għadda, minn appartament f’Ta’ Xbiex, seraq telefon ċellulari u ‘tablet’ b’dannu għal Isyanu Malik u Ogoke Chikadibia Cletus rispettivament.

Kien l-Ispettur Colin Sheldon li spjega lill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kif wara li ikkommetta s-serqa Azzopardi biegħhom biex ikollu flus għad-droga u mbagħad mar għamel rapport f’għassa.

L-imsemmija maġistrat qalet lill-akkużat li waqt li tapprezza li nidem minn dak li għamel affarijiet bħal dawn isiru biss minn żgħażagħ ta’ 15-il sena u mhux minn raġel tal-età tiegħu.
Fl-istess waqt li għalhekk sabitu ħati hija illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.

Share With: