Sigħat kruċjali għal Lionel Messi rigward il-futur tiegħu

L-istilla Arġentina, Lionel Messi, qed jaffaċċja ġurnata ferm partikolari fil-karriera tiegħu hekk kif irid jiddeċiedi x’se jkun il-futur tiegħu.

Il-player ta’ 33 sena qed jikkunsidra li jagħmel U-Turn, jiġifieri, li jerġa’ jibdielu fuq il-futur tiegħu ma’ Barcelona. Wara li matul il-ġimgħa li għaddiet huwa talab lid-diriġenti biex jiċċaqlaq u jfittex avventura oħra, fl-aħħar sigħat il-player beda jirrifletti x’għandu jagħmel. 

Sadanittant l-Erbgħa filgħaxija seħħet laqgħa bejn Jorge Messi (missieru u r-rappreżentant tiegħu) u l-president ta’ Barcelona, Josep Maria Bartomeu, għalkemm jidher li ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Wieħed mill-battibekki li qed jissemma’ huwa proprju l-kuntratt tiegħu hekk kif Messi qed jgħid li huwa jista’ jitlaq b’xejn wara klawsola li skadiet filwaqt li Barcelona qed jgħidu li dak il-ftehim mhux possibbli. Huma marru wkoll għand il-kumitat ta’ La Liga Spanjola li minnufih qablu mal-argument tal-Katalani.

Sadanittant il-każ jista’ jispiċċa saħansitra fil-qorti minħabba li Barcelona mhux beħsiebhom iċedu pulzier bil-player  qed jara lill-club tiegħu stess li se jagħmillu l-bsaten fir-roti. Is-sitwazzjoni tidher waħda kkumplikata minħabba li kulħadd qed jaħseb għal rasu għalkemm kien hemm rapporti li xi membri mill-ogħla awtoritajiet tal-club qed jitolbuh ljikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu. Huwa għalhekk li l-player qed jagħrbel sew x’deċiżjoni għandu jieħu għall-aħjar tiegħu u tal-club.

Sadanittant fl-Ingilterra l-partitarji ta’ Manchester City jinsabu ħerqana biex jilqgħu fi ħdanhom lil wieħed mill-aqwa players fid-dinja. F’intervista li saritilhom minn stazzjon tat-televiżjoni Ingliż xi wħud qalu li Messi kapaċi jgħinhom forsi xi darba jirbħu l-UEFA Champions League filwaqt li jerġgħu jkunu protagonisti fil-football Ingliż.

Fl-aħħar sigħat iċ-champions rispettivi ta’ Franza u l-Italja jiġifieri, Paris St Germain u Juventus, ukoll qed isegwu l-passi tal-player Sudamerikan u f’dan l-istadju litteralment kollox jista’ jiġri.

Share With: