Sijamiżi b’ċans ta’ ħajja normali wara operazzjoni ta’ 11-il siegħa

Miktub Minn Carmen Cachia

Aħbar pożittiva u ta’ kuraġġ hija dik ta’ żewġ sijamiżi bniet li b’suċċess saritilhom operazzjoni delikata u twila 11-il siegħa biex ikunu mifruda. L-aħwa Sarabeth u Amelia Irwin twieldu b’ċesarja f’Ġunju 2019 u fortunatament kellhom qalb kull wieħed u għalhekk kien hemm tama li jekk jinfirdu, jgħixu u anke possibbilment ikollhom ħajja normali.

Il-koppja Phil u Alyson kienu qegħdin jistennew it-tieni tarbija tagħhom iżda fil-viżta tal-20 ġimgħa tqala ngħataw l-aħbar li se jkollhom twemin bniet li kienu mwaħħla minn sidirhom.

Il-ġenituri minn Petersburg, Michigan kellhom biżgħa kbira fuqhom minħabba li kienu jafu bir-riskji kbar li hemm fi tqala ta’ dan it-tip, inkluż il-fatt li ħafna tewmin sijamiżi jew jitwieledu mejta jew inkella jmutu ftit wara t-twelid.

Wara li ngħataw l-aħbar il-koppja Irwin ġew riferuti għand tim ta’ speċjalisti fl-Università ta’ Michigan fejn qalulhom li għandhom imnejn li jistgħu jgħinuhom. Din l-aħbar tat lil din il-koppja ftit tama u meta l-omm kellha 25 ġimgħa tqala sarilha test fejn sab li t-tewmin kellhom qalb kull wieħed u minkejja li kienu viċin ħafna, il-qlub ma kienux imwaħħla. 

Dan il-fattur kien importanti minħabba li r-rata ta’ suċċess f’operazzjoni li fiha jinfirdu s-sijamiżi, hija ferm akbar meta kull tewmi jkolli l-organi vitali tiegħu.

Waħda mill-akbar sfidi li t-tim mediku kellu kienet dik li jsibu mezz biex jagħlqu l-ġilda fuq is-sider tat-tewmin wara li jifirduhom. L-operazzjoni tal-bniet kienet ippjanata biex issir fi Frar 2020 iżda dawn mardu ġimgħa qabel u għalhekk kellha tkun posposta.

Minħabba li wara faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, din il-familja kellha tistenna għal darb’oħra biex issir din l-operazzjoni delikata iżda stqarru li fil-perjodu tal-lockdown huma ħadu gost iqattgħu ħafna ħin flimkien bħala familja.

Il-ġurnata tal-operazzjoni waslet fil-5 ta’ Awissu li għadda fejn tim mediku speċjalizzat għamel operazzjoni twila biex jifred lil dawn is-sijamiżi. Grazzi għal teknoloġija ferm avvanzata, materjal rikostruttiv ġdid u tim iddedikat, dawn it-tewmin mhux talli infirdu b’suċċess, talli anke setgħu jieħdu n-nifs b’mod indipendenti. Huma nżammu fl-isptar għal xahar u ntbagħtu lura d-dar ftit tal-ġranet ilu. 

Fi żmien qasir il-koppja Irwin bdew jaraw lit-tewmin tagħhom jikbru u jiżviluppaw bħala individwi b’personalitajiet differenti. Issa li huma sseparati fiżikament dawn il-bniet qegħdin jilħqu bil-mod il-mod il-livell ta’ żvilupp fiżiku u emozzjonali ta’ tfal fl-istess età tagħhom. 

Il-futur ta’ Sarabeth u Amelia jidher li se jkun wieħed pożittiv ħafna minħabba li t-tobba li qegħdin isegwuhom jemmnu li dawn il-bniet se jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali issa li huma mifruda.

Share With: