Solskjaer se jiltaqa’ ma’ Mason Greenwood minħabba l-imġieba tiegħu

Il-coach ta’ Manchester United, Ole Gunnar Solskjaer, se jkollu laqgħa mal-attakkant Mason Greenwood wara sensiela ta’ inċidenti li kien involut fihom il-player żagħżugħ tar-Red Devils.

Greenwood, li għad għandu 18-il sena, kien iffilmjat fuq kamera tal-mobile jieħu n-nitrous oxide, magħrufa aħjar bħala ‘The Hippy Crack’. Dan kollu ħammar wiċċ mhux biss lill-player innifsu iżda wkoll il-club tiegħu li qed jitlob spjegazzjonijiet loġiċi wara dak kollu li deher. 

Dan il-video kontroversjali deher ftit tal-jiem wara li l-istess Greenwood u l-kollega tiegħu mat-team nazzjonali Ingliż ta’ Taħt il-21 sena Phil Foden dehru jiksru l-miżuri tal-lockdown u jieħdu magħhom xi tfajliet fil-lukanda tagħhom. 

Wara dawn iż-żewġ inċidenti, Solskjaer fehem li ma jistax iħalli l-affarijiet għaddejjin u għalhekk se jkun qed jiltaqa’ ma’ Greenwood sabiex jispjegalu x’inhu mistenni minnu ladarba jifforma parti mill-iskwadra tar-Red Devils. 

Wara artiklu skandaluż fuqu li deher fuq il-gazzetta Brittanika ‘The Daily Mail’, Greenwood mill-ewwel talab apoloġija fejn qal lis-segwaċi u l-ammiraturi tiegħu sabiex ma jirrepetux l-imġieba xejn eżemplari tiegħu. Hu ammetta wkoll li s-sustanza illegali li ħa ma tagħmilx tajjeb għas-saħħa u għalhekk kien qed jirriskja ferm b’dak li għamel.

Minkejja kollox, il-player żagħżugħ Ingliż ma jidhirx li din id-darba se jgħaddiha lixxa hekk kif se jkollu laqgħa mhux biss mal-coach Ole Gunnar Solskjaer iżda wkoll mal-ogħla awtoritajiet tal-club. Mhux eskluż li jittieħdu passi dixxiplinari kontra dan il-player.

Mason Greenwood jilgħab bħala attakkant u ilu ma’ Manchester United sa mis-sena 2018 fejn skorja 10 goals f’34 partita. Huwa dejjem lagħab mar-Red Devils matul il-karriera tiegħu.

Huwa għadu kemm iddebutta mat-team nazzjonali Ingliż fil-logħba kontra l-Islanda.

Share With: