“Strieħ fis-sliem kollega. Grazzi tal-ħbiberija sinċiera tiegħek.”

“Strieħ fis-sliem kollega. Grazzi tal-ħbiberija sinċiera tiegħek.” Dan kien wieħed mill-bosta messaġġi, ħafna minnhom anke minn ħaddiema tal-Port Ħieles, hekk kif ġriet bħal sajjetta l-aħbar li l-ħaddiem li tilef ħajtu traġikament fl-inċident fil-Port Ħieles huwa Christ Zahra, missier ta’ 36 sena minn Ħal Safi.

Inewsmalta hija mgħarrfa li l-ħaddiem li aktar kmieni llum tilef ħajtu traġikament f’inċident il-Freeport huwa Christ Zahra.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-ħaddiem kien qiegħed jagħmel xi xogħol b’lifter. Dak il-ħin, kontejner waqa’ għal isfel u spiċċa fuq il-kabina tal-lifter fejn kien hemm ir-raġel. 

Fuq il-post issejħu minnufih l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. 

Dan huwa t-tieni inċident traġiku li seħħ illum u li fih tilef ħajtu ħaddiem. Dan wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu miet Mario Vella, magħruf bħala Marju l-Bieżel. Vella miet waqt li kien qed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-mina ta’ Ħal Kirkop.

Bosta kienu dawk li wrew id-dieqa tagħhom għall-mewt ta’ Christ Zahra. Fost dawn kien hemm is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula li ta l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu f’dik li ddeskriva bħala sajjetta fil-bnazzi.

Share With: