STRUTTURI TA’ TAXXA

Miktub minn ALFRED SANT

Fl-OECD, l-organizazzjoni tal-pajjiżi kapitalisti l-aktar żviluppati, resqin jidher lejn ftehim ġdid dwar kif l-istrutturi ta’ taxxi għandhom jitħaddmu fil-pajjiżi differenti biex jiżguraw li l-ebda kumpanija kbira jew żgħira, ma tkun tista’ tirranġa l-kontijiet tagħha b’mod li tħallas mill-anqas it-taxxi fuq il-profitt. Tagħmel dan billi tilgħab madwar il-modi differenti kif il-pajjiżi jissettjaw it-taxxi tagħhom.

Ftehim bħal dan jaffettwa sew il-qagħda Maltija. Imma mhux dejjem inkunu ċari, anke bejnietna, għaliex għandu jiġri hekk. 

  Għax se jġiegħel lil kull pajjiż jadotta l-istess sistema ta’ tassazzjoni u dak li jgħodd għall-pajjiżi kbar, hu ta’ dannu għal pajjiżi ċkejkna ħafna bħal tagħna?

Għax fil-qagħda attwali, is-servizzi finanzjarji minn Malta jagħmlu negozju tajjeb billi jipprovdu pjattaforma għall-kumpaniji li qed ifittxu kif jiżgiċċaw mit-taxxi?… u issa din il-possibbiltà se tonqos għal kollox?

Jew għax bl-uniformità fl-istruttura tat-taxxi, anke dawk li m’għandhom l-ebda ħsieb ta’ evażjoni, mhu se jaraw l-ebda raġuni għaliex aħjar jippjanaw il-finanzi tagħhom minn ġurisdizzjoni ċkejkna bħal ta’ pajjiżna?

IT-TIFSIRA TAL-VITORJA

Ma nafx hijiex impressjoni żbaljata tiegħi, imma minkejja kull ma ntqal, donnu li t-tifsira tal-festa tal-Vitorja li “ċċelebrajna” dil-ġimgħa tilfet ħafna mill-qawwa tagħha. Bħala festa kulħadd għadu jixtieqha għax wara kollox, tfisser ġurnata ta’ btala.

Bħala tifkira tal-Assedju l-Kbir, jew ukoll hawn min jgħid, tat-tmiem tal-assedju tal-Franċiżi fil-Belt, donnha m’għadha tqajjem l-ebda sentiment profond. Veru li fir-rigward ta’ x’ġara fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-memorji baqgħu aktar ħajja. Biss, anke hawn, in-nies li għexu f’dak iż-żmien jew jafu min għex fihom, dejjem jonqsu fin-numru.

Il-kommemorazzjoni tal-Vitorja donnha ssir għax hemm obbligu li ssir. Hu minnu li fi żminijietna daħlu kommemorazzjonijiet oħra “ġodda” li poġġew dell madwar il-Vitorja: l-indipendenza… il-ħelsien mill-militar barrani… u għal dawk li qablu mal-għażla, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

L-ISTORJA TA’ HOGAN

Ir-riżenja tal-Irlandiż Phil Hogan minn Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ ftit ingħatat attenzjoni f’Malta. Min jaf għaliex…

Hogan kien wieħed mill-aktar kummissarji segwiti u mitqies bħala kandidat idoneu biex jidħol għat-tmexxija tal-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ. Hekk, ċumm bumm, kellu jirriżenja.

Dan għax meta mar lura għal vaganza f’pajjiżu das-sajf, minflok baqa’ d-dar kif kienu jesiġu dak iż-żmien ir-regolamenti sanitarji Irlandiżi kontra l-Covid 19, attenda ikla formali fiċ-ċentru ta’ Dublin. Qam kjass u ġie kkritikat bl-aħrax. Ma sab l-appoġġ la tal-partit tiegħu u lanqas tal-Kummissjoni Ewropea.

F’qasir żmien irriżenja, anke jekk kulħadd qabel li kien għaddej b’xogħol mll-aqwa.

Toqgħod taħseb: L-istorja ta’ Hogan tagħtina ħafna fuq hiex nomogħdu lilna f’Malta… 

Share With: