Tennis – Novak Djokovic skwalifikat mill-US Open

Is-seed numru wieħed tad-dinja tat-tennis, is-Serb Novak Djokovic, ġie skwalifikat mill-US Open wara li laqat line-judge bil-ballun fi griżmejha bil-konsegwenza li sofriet minn ħass ħażin ħafif u waqgħet mal-art.

Djokovic, 33 sena, kien qed jilgħab kontra l-Ispanjol, Pablo Carreno, fejn deher frustrat mill-isfida denja tal-avversarju tiegħu wara li ġie bbrejkjat 5-6 fl-ewwel set.

Bir-rabja huwa xeħet il-ballun b’lura fejn laqat lill-uffiċjal li mill-ewwel dehret tinżel mal-art. Għaldaqstant huwa kellu jiġi skwalifikat hekk kif jistipulaw ir-regoli.

Ir-referee, Soeren Friemel, kellu jinżel fil-court u wara diskussjoni ta’ għaxar minuti ma’ Djokovic, kien ċar li dan tal-aħħar kellu jaqbad l-affarjiet tiegħu u jħalli l-court minkejja li talab biex jinħafer l-aġir tiegħu.

Huwa pprotesta bil-qawwa kollha fejn instema’ jgħid: “M’għandhiex għalfejn tmur l-isptar. Possibbli se niġi skwalifikat minħabba din is-sitwazzjoni? Din hija l-karriera tiegħi, il-Grand Slam, l-attenzjoni prinċipali ….”

Iżda r-referee baqa’ sod fid-deċiżjoni tiegħu biex issa Djokovic, li kien il-favorit li jirbaħ dan it-tournament, tilef kollox … inklużi l-flus skond il-progress tiegħu.

Share With: