Tensjoni minħabba immigranti infettati li għadhom ma nstabux wara nirien f’Moria fil-Greċja

Il-Greċja se tkun qiegħda tibgħat tliet bastimenti biex jgħinu eluf ta’ immigranti li spiċċaw jitlajjaw fit-toroq ta’ Lesbos wara li n-nirien qerdu l-ikbar ċentru tal-immigranti fil-pajjiż.

Għat-tieni lejl, familji ta’ immigranti spiċċaw reqdin għal għonq it-triq, fl-għelieqi u parkeġġi wara li ħarbu mill-faċilità Moria, fejn madwar 13,000 immigranti kienu jgħixu f’faqar degratanti.

Nirien qawwija ħakmu l-faċilità ta’ Moria t-Tlieta filgħaxija sakemm ftit tas-sigħat wara nqerdu l-bqija tal-kampijiet li kienu jospitaw l-immigranti.

L-Unjoni Ewropea qablet li tħallas għall-okkomodazzjoni ta’ 400 żagħżugħ u tfal li ma kinux akkumpanjati fil-pajjiż stess.

Skont l-awtoritajiet Griegi l-bastimenti navali se jkunu qed jgħinu biex jospitaw mal-2,000 immigrant u l-Ministru għall-Immigrazzjoni Notis Mitarachi żied jgħid li għaddejja ħidma biex jipprovdu akkomodazzjoni ta’ emerġenza viċin il-kamp stess.

Mitarachi qal li t-tensjoni kibret fost dawk li kienu qed jirrisjedu fiċ-ċentru minħabba li ġew imposti 15-il ġurnata kwarantina minħabba li wieħed mir-residenti kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19 fil-jiem li għaddew.

Sal-Erbgħa kien hemm 35 persuna li rriżultaw pożittivi u għalhekk hemm tħassib dwar dawn il-persuni u r-rilokazzjoni tagħhom.

Skont rapporti jidher li minn fost dawn il-35 każ, tmienja minnhom ġew identifikati u iżolati mill-ġdid.

Share With: