“Tfal marru lura akkademikament b’uħud tilfu sena”

Jgħid dan il-Professur Carmel Borg

Il-Professur Carmel Borg mill-Fakultà tal-Edukazzjoni meta kkummenta magħna dwar il-ftuħ tal-iskejjel enfasizza li “hu fatt magħruf li ħafna tfal marru lura akkademikament.  Uħud tilfu sena.  Numru mhux żgħir ta’ studenti se jkollhom bżonn għajnuna miżjuda biex jirkupraw parti jew ħafna minn dak li tilfu.”

Fil-kumment tiegħu l-Professur Borg saħaq li “l-awtoritajiet edukattivi ddeċidew li jiftħu l-iskejjel fit-28 ta’ Settembru.  Nappella lill-għalliema u l-ġenituri biex jinfurmaw ruħhom dwar kif l-iskejjel se jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd, jagħrblu l-protokolli sew, iħossuhom komdi li jiddubitawhom u, fejn hemm bżonn, għax kull skola għandha il-partikolaritajiet tagħha, jinsistu għal tibdil li jindirizza r-realtajiet mhux maqbuda minn protokolli ċentralizzati.”

Tenna li “tajjeb li l-għalliema u l-ġenituri jistaqsu kif l-iskola se twennes is-saħħa mentali ta’ kulħadd, meta nafu li x-xhur ta’ iżolament, inċertezzi u realtajiet iebsa mgħixa fil-familji ħallew ħerba f’dan il-qasam.”

Kompla jgħid li “importanti li l-għalliema u l-ġenituri jkunu jafu kif l-iskola se titratta l-istigma marbuta mal-marda, jekk l-imxija titfaċċa fl-iskola.  Jistaqsu wkoll jekk il-politika attwali dwar il-‘bullying’ ġietx aġġornata biex tinkludi din ir-realtà ġdida.  

Lil hinn mill-protokolli uffiċjali, importanti li l-iskejjel ikollhom qafas ta’ ħidma kollettiva li tirresponsabbilizza lil kulħadd (tmexxija kollettiva) fit-tħaris tas-saħħa u s-sigurtà.”  

Itenna li “hu fatt magħruf li ħafna tfal marru lura akkademikament.  Uħud tilfu sena.  Oħrajn m’għadhomx jinqabdu mir-radar edukattiv.  M’hemmx dubju li numru mhux żgħir ta’ studenti se jkollhom bżonn għajnuna miżjuda biex jirkupraw parti jew ħafna minn dak li tilfu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assessjar għat-tagħlim huwa doveruż aktar minn qatt qabel.  Ma nistgħux nibdew sena skolastika oħra mingħajr dijanjosi akkademika serja tat-tfal, fuq bażi ta’ skola u klassi.”

Jisħaq li “internazzjonalment, qiegħed niltaqa’ ma’ numru ta’ skejjel li bdew is-sena skolastika b’materjal mis-sena skolastika l-oħra.  Oħrajn qegħdin jagħtu xogħol miżjud biex jiġi żgurat li l-pedament li fuqu se jibnu din is-sena jkun tassew sod.  Hemm min waqqaf kumitati, b’ġenituri u membri fil-komunità mitlubin joffru l-ħidma edukattiva tagħhom taħt id-direzzjoni tal-għalliema esperti.  F’xi postijiet, ix-xandir u l-mezzi soċjali qegħdin joffru l-għajnuna permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni popolari. Il-kunsilli lokali għandhom ikunu strumentali f’dan ir-rigward, b’tagħlim fil-komunità.”

Il-Professur Borg qalilna li “nappella lill-ġenituri li jibqgħu ma’ wliedhom f’kull ċirkustanza, u jiddefendu d-dritt ta’ wliedhom għal edukazzjoni ta’ kwalità, hu x’inhu l-ambjent tat-tagħlim.  M’għandhomx jiddejqu jew jistħu jagħmlu dan, speċjalment jekk jaraw li t-tfal tagħhom qegħdin jaqgħu lura.  Sena tagħmel differenza kbira fit-tfal.  Fid-dawl tal-insistenza tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li l-iskejjel idealment jiftħu f’kuntest b’rata baxxa ta’ infezzjonijiet, nappella lill-awtoritajiet biex ikomplu jseddqu l-ħidma tagħhom biex ir-rata tal-infezzjoni tkompli tonqos.”

Kompla jgħid li “nappella bil-qawwa lill-istess awtoritajiet biex jiżguraw t-tħaris tal-aktar tfal vulnerabbli, li huma ħafna f’pajjiżna. Dan it-tħaris huwa dover etiku, li jekk ma jitwettaqx ikun ifisser li se nitilfu numru kbir tat-tfal, jekk mhux ġenerazzjoni.  

Il-UNESCO qiegħda tisħaq li l-awtoritajiet u l-iskejjel għandhom jużaw dan il-mument storiku partikolari biex isaħħu l-kunċett tal-edukazzjoni bħala ġid komuni; edukazzjoni li sservi ta’ bastjun kontra l-inġustizzji soċjali, l-oppressjoni u l-inugwaljanzi.  Il-pajjiż jifjorixxi meta kulħadd jixxettel.   Nappella wkoll lit-tfal u lill-istudenti biex isemmgħu leħinhom.  Naf li ħafna minnhom sofrew fis-silenzju.  Jeħtieġ li dan is-silenzju jsir għajta li ttarrax lill-adulti; għajta li tqanqalhom biżżejjed biex jindunaw li n-nuqqas ta’ azzjoni effettiva qiegħda tweġġa’ lil ħafna tfal.”

Share With: