Tinfetaħ investigazzjoni rigward l-eżami tat-Taljan li għamel Luis Suarez

Il-Guardia di Finanza Taljana qed jinvestigaw l-eżami tat-Taljan li għamel l-attakkant internazzjonali Urugwajan Luis Suarez matul il-ġimgħa l-oħra. Fil-fatt qed jiġi allegat li l-player ta’ 33 sena kien jaf b’ċerti domandi li kien se jiġi mistoqsi minn qabel. Hu kien qed jagħmel dan l-eżami fil-belt ta’ Perugia minħabba li jinsab fil-proċess li jikseb passaport Taljan u kien qed jissemma’ li jista’ jingħaqad ma’ Juventus.

Dan kollu ġie żvelat li kien hemm xi irregolaritajiet li nstabu mill-pulizija lokali kif ukoll mill-uffiċju tal-prosekutur ta’ Perugia hekk kif jidher li Suarez kien jaf x’kienu se jkunu l-mistoqsijiet tal-eżami. L-awtoritajiet konċernati qed jaħsbu li l-plejer innifsu jew xi ħadd imqabbad minnu tawh il-mistoqsijiet li kellu jirrispondi minn qabel sabiex l-eżami tiegħu jkun faċli u ma jkollu l-ebda problemi għall-proċess tal-passaport.

Sadanittant Juventus kienu ħejjew il-lista ta’ players ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u bi Suarez li hu wieħed minnhom kien beda proċess sabiex issirlu ċittadinanza Taljana. Minkejja kollox, il-ftehim ma ġiex rispettat minħabba li naqas li jsirlu l-passaport Taljan.

Suarez jista’ jeħel xi multa jew saħansitra sospensjoni jekk jinstab li kiser ir-regoli ordinarji ta’ eżami aktar u aktar meta hemm passaport fin-nofs.

Il-player veteran Sudamerikan telaq lil Barcelona wara sitt snin ta’ servizz fejn skorja 147 goal f’191 partita.

Finalment il-pulizija Taljana qed tinvestiga dan il-każ bl-akbar reqqa possibbli u qed jinterrogaw diversi eżaminaturi, studenti u anke għalliema dwar x’seta’ ġara u jekk dawn l-allegazzjonijiet humiex veri jew le. Min-naħa tiegħu, Suarez ċaħad kull allegazzjoni possibbli li seta’ kien kompliċi sabiex hu jmur tajjeb ħafna fl-eżami b’mod irregolari.

Share With: