Tinstab milestone ta’ żmien l-Ingliżi waqt ix-xogħlijiet fil-Menqa f’Marsalforn

Waqt żjara lix-xogħlijiet li qed isiru fil-Menqa f’Marsalforn, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li nstabet milestone ta’ żmien l-Ingliżi waqt li kien qiegħed isir it-tħaffir f’din iż-żona. Hu qal li din il-milestone “li għandha madwar 150 sena se tiġi inkorporata bħala parti mill-proġett tal-Menqa, li x-xogħlijiet fuqu issa nista’ ngħid li jinsabu fi stadju avvanzat u nħares ’il quddiem sabiex fi ftit tal-ġimgħat oħra nneduh.”

Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-kuntrattur, il-periti u lill-ħaddiema li kif indunaw b’din il-milestone għarfu l-importanza tagħha u ħadu ħsieb sabiex din is-sejba ma tintilifx u titpoġġa fil-post oriġinali tagħha.

Il-President ta’ Wirt Għawdex Giovanni Zammit qal li l-Ingliżi introduċew din is-sistema ta’ milestones f’Malta li saru karatteristika magħrufa u li normalment kienu jkunu magħmulin minn żonqor iebes. Huwa spjega li fuqhom kienu jnaqqxu d-distanza minn u lejn post partikolari, iżda matul it-tieni gwerra dinjija ħassru ħafna mid-distanzi mnaqqxin minħabba l-biża’ ta’ xi invażjoni. It-tneħħija tad-distanza u tad-destinazzjonijiet minn fuq dawn il-milestones kienet tassigura li l-għadu ma jkunx mgħejun waqt attakk.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li filwaqt li l-infrastruttura hija prijorità, daqstant ieħor hu l-wirt kulturali u arkeoloġiku u għalhekk għandu jkun assigurat li sejbiet bħal dawn ikunu priservati.

Share With: