Tmien snin ħabs fuq droga li ddaħħlet Malta f’żarbun

Niġerjan involut fit-traffikar tad-droga kien ikkundannat tmien snin ħabs u multa ta’ €25,000. Kien fl-2010 li Theophilus Nwadike, u immigrant irregolari ieħor, iltaqgħu ma’ persuna oħra fil-Belt u ftehmu biex idaħħlu l-eroina f’pajjiżna.

Il-pjan kien li Justo Ernesto Bellver Bayo, ċittadin Spanjol, jiġbor id-droga f’Amsterdam u jniżżilha Malta ġoż-żarbun. X’ħin jasal Malta kellu jiltaqa’ ma’ Nwadike li min-naħa tiegħu kellu jgħaddilu €2,000.

Fis-17 ta’ Lulju 2010 l-uffiċjali tad-Dwana qabdu lil Bayo fl-ajruport b’1,129 gramma eroina fiż-żarbun. Id-droga kellha purità ta’ 26.7% u kieku nbiegħet fit-triq kienet iġġib is-somma ta’ €51,000.

Bayo ikkollabora mal-Pulizija u l-Pulizija ħejjew pjan fejn uffiċjal għamilha taparsi tiegħu biex jiltaqa’ ma’ Nwadike. Dan il-pulizija mar ħdejn il-bandli ta’ Birżebbuġa fejn iltaqa’ ma’ sieħeb Nwadike u qagħdu bilqegħda fuq bank. Ftit wara ġie Nwadike imma ġieh suspett u pprova jaħrab fuq karozza tal-linja għalkemm kien arrestat.

Fuqu l-pulizija sabulu €2,000 u kien għalhekk li tressaq fil-Qorti mixli b’involviment fil-pjan biex tiġi importata d-droga f’Malta.

Huwa kellu jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Giovanni Grixi imma ammetta u ġie ikkundannat l-imsemmija piena.

Share With: